Il-plejer Arġentin Javier Mascherano ħabbar li se jkun qed jirtira mill-futbol internazzjonali wara l-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja s-sena d-dieħla. “It-tmiem tiegħi hu r-Russja, ma hemm xejn wara l-kompetizzjoni.”
Arġentina għelbu lill-Ekwador 3-1 it-Tlieta li għadda, biex kisbu post fir-Russja f’logħba li riedu jirbħu bilfors wara li ddiżappuntaw fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. Id-darbtejn champions waslu fil-finali tal-aħħar Tazza tad-Dinja, fejn kienu tilfu 1-0 kontra l-Ġermanja fil-ħin barrani. Huma tilfu wkoll żewġ finali konsekuttivi tal-Copa America kontra ċ-Ċili fl-2015 u s-sena l-oħra. Biex għaddew huma kellhom bżonn tripletta ta’ Lionel Messi fil-partita deċiżiva.
Id-difensur ta’ 33 sena li jilgħab ma’ Barcelona, qal li l-opportunità li jirbaħ titlu maġġuri ma’ pajjiżu, kienet waħda mill-aħħar ambizzjonijiet tal-karriera tiegħu. Il-plejer li xi drabi jilgħab f’nofs il-grawnd, qal li ma tantx fadallu affarijiet x’jagħmel f’ħajtu, u li jilgħab it-Tazza tad-Dinja u jipprova jerġa’ jasal sal-finali, hi waħda minnhom.
//= $special ?>