Internazzjonali

Mijiet ta’ immigranti salvati mill-baħar jaslu fi Sqallija

Bastiment mgħobbi b’606 immigranti wasal fi Sqallija fejn l-istess immigranti – li madwar jumejn ilu kienu nġabru mill-baħar, ‘il hinn mill-kosta tal-Libja – iridu jgħaddu minn proċess ta’ screening fit-tul.

L-immigranti inkwistjoni ġejjin minn xi 20 pajjiż fl-Afrika u l-Lvant Nofsani. Intant, kelliema għall-grupp tal-għajnuna SOS Mediterranee qed jgħidu li l-grupp tal-immigranti salvati fl-aħħar jiem jinkludi 241 tfal u ħdax il-nisa tqala.

Ħafna mill-immigranti nisa, li ġejjin mir-reġjun Afrikan taħt is-Sahara, qalu li huma kienu sofrew l-abbuż sesswali. Dan meta l-SOS Mediterranee qal li numru fost l-immigranti ‘ġodda’ qed ibatu min-nuqqas ta’ nutriment.

Madwar 50 fost is-606 immigranti kienu ħarbu lejn il-Libja mis-Sirja u fejn spiċċaw ukoll fl-eqqel tal-vjolenza fl-artijiet Libjani.

Għalkemm il-movimenti tal-immigranti irregolari mill-Mediterran lejn in-Nofsinar tal-Ewropa huma anqas minn tal-2016, l-Italja, xorta, qed issibha diffiċli biex tlaħħaq mal-ammonti kbar ta’ dawn in-nies. Dan meta l-parti kbira tal-immigranti irregolari, illum, qed jitilqu mil-Libja waqt li jivvjaġġaw mir-rotta perikoluża fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Is-Sirjani fost l-immiganti li ttellgħu fuq il-bastiment ‘Aquarius’ jinkludu familji sħaħ, b’dan il-bastiment  jitfa’ l-ankri f’Palermo, fejn qed isir il-proċess ta’ screening.

Il-pajjiżi ta’ oriġini tal-immigranti jinkludu lill-Eġittu, is-Sudan, l-Eritrea, il-Mali, il-Kosta tal-Ivorju, il-Guinea-Bissau, in-Niġerja, il-Ghana, il-Gambja u l-Jemen.