Lokali

“Qalb ta’ żagħżugħ” – Imut Alfred, il-fundatur tat-Transplant Support Group

Alfred dam 18-il sena jgħix "b'qalb ta' żagħżugħ"

Miet Alfred Debattista, il-fundatur tat-Transplant Support Group. Fuq il-media soċjali, qraba u ħbieb ħallew messaġġi ta’ kondoljanzi, b’ħafna jfakkru l-memorja ta’ Alfred bħala sors ta’ ispirazzjoni għal ħafna.

Fl-1999, Alfred kien ingħata sitt xhur ħajja minħabba problemi fil-qalb. Fortunatament kien irnexxielu jibqa’ ħaj sentejn sħaħ sakemm ingħata l-aħbar li kien sab donatur għal trapjant tal-qalb.

Alfred kien ingħata l-qalb ta’ George Sultana, żagħżugħ li kien tilef ħajtu, u li familtu kienet xtaqitu jibqa’ jgħix f’ħaddieħor. Grazzi għall-qalb ta’ George, Alfred baqa’ jgħix għal tmintax-il sena sħaħ, sakemm ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu fis-sigħat li għaddew.

Alfred Debattista kien magħruf ħafna għall-involviment tiegħu f’numru ta’ għaqdiet, iżda jibqa’ mfakkar partikolarment għall-mod kif kien dawwar l-esperjenza personali tiegħu f’vjaġġ altruwista bit-twaqqif tat-‘Transplant Support Group’.

Imwieled u mrobbi l-Belt Valletta, aktar kmieni matul ħajtu Alfred kien kuntistabbli. Hu se jingħata l-aħħar tislima b’quddiesa fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Ħamrun, għada s-Sibt 14 ta’ Ottubru fit-8.30 ta’ filgħodu.

“Int għaraft iddawwar traġedja personali f’għaqda li biha għamilt ħafna ġid,” kiteb qarib ta’ Alfred fuq Facebook. “Ħallejt legat kbir warajk. Mur gawdi lill-Mulej għax jixraqlek,” itemm jgħid dan il-messaġġ.