Sport Sport Ieħor

Sirens jaħtru lil Grant Kritinzer bħala Head Coach tal-għawm

Grant Kritinzer flimkien ma' Andrew Chetcuti

Sirens komplew isaħħu s-settur tekniku hekk kif ħatru lil Grant Kritinzer bħala l-Head Coach tal-klabb, assistit minn Daniela Deguara Gatt. Kritinzer kien bħala kowċ ta’ Andrew Chetcuti u mexxa liż-żagħżugħ fl-aħħar żewġ Olimpjadi, b’Chetcuti jirtira xahar ilu.

“Grant Kritinzer għalija hu l-aqwa kowċ fid-dinja, għaliex għaddejna minn ħafna flimkien. Kellna l-mumenti tajbin u ħżiena u dejjem għidt li Grant qisu t-tieni missier għalija. Hu wieħed minn dawk in-nies li meta tarah irrabjat, tkun taf li ħallejt effett fuqu. Kellna vjaġġ sabiħ flimkien,” qal Andrew Chetcuti.

Kritinzer se jieħu post Craig Gibbons li rritorna f’pajjiżu l-Gran Britannja. B’aktar minn 11-il sena esperjenza, Grant Kritzinger se jmexxi lit-timijiet ta’ Sirens hekk kif qed jippreparaw għall-Olimpjadi tal-2020 f’Tokyo.  Hu stabbilixxa ruħu bħala Direttur u Head Coach fl-Afrika ta’ Isfel.

Hu kien il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Lussemburgu erba’ snin ilu, kif ukoll għen lit-tim Malti fil-Kampjonati tad-Dinja tax-Short Course f’Dubai fl-2010.

Grant Kritzinger kien magħżul bħala kowċ tal-Juniors tal-Afrika ta’ Isfel, biex jattendi l-Logħob tal-Youths Afrikana f’Botswana fl-2014. Hu mexxa lil diversi għawwiema tal-Afrika ta’ Isfel biex jiksbu rekords fil-kategoriji tagħhom.

L-għan tiegħu ma’ Sirens, hu li jgħaqqad grupp ta’ kowċis biex jgħin lill-għawwiema Maltin għal-livell għola bl-għan li jikkwalifikaw għall-Olimpjadi. Hu saħaq li aċċetta din il-kariga biex jipprova jgħin lil dawn iż-żgħażagħ.

Il-President ta’ Sirens ASC Lino Vella qal li jittama li Kritzinger itejjeb il-livell u jkabbar il-personalità ta’ kull għawwiem.

Tags