In-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea, Michel Barnier, qal li ma kienx hemm biżżejjed progress biex Brussell javvanza għall-fażi li jmiss tat-taħditiet dwar il-Brexit bħalma jixtieq ir-Renju Unit.
Hu qal li filwaqt li kien hemm ‘spinta ġdida’ fil-proċess, jeżisti xorta waħda livell ta’ staġnar rigward l-ispiża tar-Renju Unit biex joħroġ mill-grupp ta’ pajjiżi Ewropej. Fil-fatt, Barnier qal li din is-sitwazzjoni ‘qed tħassbu mhux ftit’ fiċ-ċirkustanzi.
Sadanittant, is-Segretarju Britanniku għall-Brexit, David Davis, qal li r-Renju Unit għad irid jingħata ‘is-sinjal’ għal taħditiet dwar il-kummerċ ladarba jiltaqgħu l-Mexxejja tal-UE, il-ġimgħa d-dieħla.
Barnier u Davis qalu dan wara l-ħames round tat-taħditiet dwar il-Brexit fi Brussel.
Michel Barnier sostna li hu, fiċ-ċirkustanzi, ma jistax jipproponi (matul il-ġimgħa d-dieħla) lill-Kunsill Ewropew biex jibdew it-taħditiet dwar ir-relazzjoni futura tal-UE ma’ Londra.
Fl-istess ħin, Davis qed iħeġġeġ lill-Mexxejja tal-UE biex – waqt is-summit li se jsir fid-19 u l-20 ta’ Ottubru – huma jagħtu lil Barnier mandat biex jibda t-taħditiet kummerċjali mar-Renju Unit ‘fejn jista’ ikompli jibni fuq l-ispirtu ta’ kooperazzjoni attwali’.
David Davis kompla li sar progress fil-qasam tad-drittijiet taċ-ċittadin u li dan il-progress ‘qarreb lin-naħat interessanti lejn ftehim’.
Barnier, intant, qed jittama għal ‘progress deċiżiv’ sakemm il-Kunsill Ewropew jiltaqa’ għas-summit ta’ Diċembru.
In-negozjatur tal-UE qal li hu ‘importanti’ l-aħbar tal-Prim Ministru Britanniku, Theresa May, fis-sens li r-Renju Unit għandu jonora l-impenji finanzjarji tiegħu bħala membru tal-Unjoni Ewropea.
Iżda Barnier insista li, din il-ġimgħa, ma kien hemm l-ebda negozjati dwar il-kwistjoni għaliex ir-Renju Unit għad mhux lest li jelenka l-ammont li lest iħallas.
Għaldaqstant, f’din il-kwistjoni, wasalna fi staġnar li hu preokkupanti għal eluf ta’ promoturi ta’ proġetti fl-Ewropa minbarra li hu disturbanti wkoll għal min iħallas it-taxxa, saħaq Barnier.
//= $special ?>