Il-Korea t’Isfel indikat terremot qrib is-sit ewlieni tal-Korea ta’ Fuq fejn isiru l-provi nukleari. Dan, fil-fatt, kien ir-raba’ terremot mindu l-Korea komunista wettqet is-sitta u l-aktar splużjoni nukleari qawwija matul ix-xahar li għadda. Fil-fatt, xi esperti suġġerew li z-zona, issa, hi wisq instabbli għal aktar provi bil-bombi.
It-terremot, li rreġistra 2.7 fuq l-Iskala Richter, seħħ xi 54 kilometru fil-majjistral tal-belt ta’ Kilju, fil-grigal tal-Korea ta’ Fuq, u li tinkorpora s-sit għall-provi nukleari. Dan skont l-Amministrazzjoni Meteoroloġika tal-Korea t’Isfel, li qalet ukoll li l-aħħar terremot ma jidhirx li kkaġuna ħsarat fiz-zona.
L-uffiċjali li tkellmu dwar is-sitwazzjoni jemmnu li l-erba’ terremoti li seħħew, probabbilment, saru għaliex il-prova nukleari (taħt l-art) tat-3 ta’ Settembru dgħajjfet lit-territorji fiz-zona. F’dan ir-reġjun mhux soltu li jsiru t-terremoti u l-ebda theżżiż tal-art ma kienu indikati wara l-ħames provi nukleari li l-Korea ta’ Fuq mexxiet mill-2006.
L-uffiċjali naqsu milli jgħidu kif it-terremoti riċenti setgħu affettwaw iz-zona u t-test site fejn seħħew il-provi kollha għall-bombi nukleari tal-Korea komunista. Iżda xi esperti ċivili qalu li l-Korea ta’ Fuq tista’, ’il quddiem, ma tkomplix tuża dan is-sit.
//= $special ?>

