Futbol Sport

It-tielet riżultat pożittiv għal Tarxien

Daniel Mateo Bustos fil-pussess tal-ballun (Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: Keane Cutajar

NAXXAR L…………1

TARXIEN R…………2

Naxxar: C. Nicht, S J. Fenwick, R. Grech, M. Micallef (M. Fenech 70’), D. Falzon, D. Bonnici, J. Debono, D M. Bustos, A. Buhagiar, N. Elhadji, A. Cascaval

Tarxien: C. Cassar, E. Baker, A. Azzopardi (A. Agius 68’), J. Brincat, L. Grech, A. Scicluna, R. Darmanin (G. McKay 81’), A. Benes (M. Spiteri 90’), E M. Calin, R S. Faria, S. Cipriott

Imwissija: N. Elhadji 29’ (N) E. Baker 42’, A. Agius 68’, A. Scicluna 90+3’ (T)

Skorjaw: R. Faria 22’, 65’ (N) S J. Fenwick 72’ pen.

Referee: Etienne Mangion

Assistant Referees: Alan Camilleri, Peter Abela

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Ricardo Silva Faria (Tarxien)

Attendenza: 208

Tarxien kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Naxxar f’konfront dirett min-naħa t’isfel tal-klassifika b’doppjetta ta’ Ricardo Faria. Il-logħob kien maqsum bejn iż-żewġ timijiet bir-riżultat seta’ mar kull naħa. Naxxar naqsu d-distakk permezz ta’ penalty u fl-aħħar ftit minuti setgħu anke ġabu d-draw iżda x-xorti ma daħkitilhomx.

Tarxien issa għandhom seba’ punti minn seba’ logħbiet filwaqt li Naxxar baqgħu bi tliet punti mill-istess ammont ta’ partiti.

Stuart Watkiss għażel li jagħmel żewġ tibdiliet mill-ewwel ħdax li żammew lil Hibernians fl-aħħar ħarġa tagħhom filwaqt li Jose Borg għamel bidla waħda fejn daħal mill-bidu Artur Benes li kellu partita tajba.

Wara ħames minuti, Bustos sab ruħu f’pożizzjoni tajba iżda waħdu mal-gowlkiper għamel l-impossibbli u spara ġo Cassar. Sitt minuti wara waslet ir-risposta ta’ Tarxien meta Benes għadda tajjeb lejn Ricardo Faria li sab lil Nicht attent li ħareġ minn postu u mblokka tajjeb.

Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob Tarxien marru fil-vantaġġ, James Brincat kien mogħti passaġġ tajjeb għal ġirja mal-faxxa xellugija. Hu krossja fil-kaxxa u Nicht deher li nnewtralizza iżda waqqa’ l-ballun. FARIA ma kien fadallu xejn ħlief li jitfa’ fix-xibka. Naxxar ipprotestaw għal fawl fuq il-gowlkiper iżda l-gowl ġie mogħti.

Tarxien komplew jagħfsu u fil-55 minuta Nicht dawwar kross mix-xellug li ġie f’saqajn Benes. Dan tal-aħħar għadda lejn Brincat li spara barra minn pożizzjoni tajba.

Tarxien għamluhom tnejn ftit minuti wara. Faria nqabad f’pożizzjoni ta’ offside iżda ħalla l-ballun għal sieħbu. Benes laħaq fuq il-ġirja u qassam lejn FARIA li dawwar fix-xibka.

Naxxar naqsu d-distakk seba’ minuti wara meta Andrè Scicluna deher iwaqqa’ lil Darren Falzon fil-kaxxa. Mill-ħdax-il metru Scott FENWICK ma żbaljax. Naxxar għal ftit ma ġabux id-draw ftit wara, meta Tarxien naqsu li jbiegħdu l-periklu minn korner. Il-ballun waqa’ għand Jurgen Debono li ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra.

Fil-81 minuta Fenwick kien żvinturat li laqat il-wieqfa wara li Cassar deher jmiss kemm kemm il-ballun biex evita l-gowl tad-draw. Fil-ħin miżjud wasal attakk ieħor ta’ Naxxar u kien Scicluna li salva lil Tarxien meta imblokka tajjeb u dawwar f’korner. Mill-korner Elhadji sab lil Cassar attent li tar minn tulu biex dawwar il-ballun minn fuq il-mimduda.