“Dan hu mument kruċjali għall-Partit Nazzjonalista biex jgħaqqad lin-nies għall-ġid kemm tal-partit, kif ukoll tal-pajjiż.”
Qal dan id-Deputat Toni Bezzina f’kummenti ma’ NET News ftit wara li ppreżenta n-nomina tiegħu għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit.
Toni Bezzina preżenta n-nomina tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake fl-uffiċju tagħha.
F’kummenti ma’ NET News, id-Deputat Toni Bezzina spjega għaliex ħass li kellu jitfa’ ismu fit-tellieqa fl-elezzjoni għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
“Iddeċidejt li noħroġ għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista b’imħabba lejn il-partit u anke għaliex dan huwa mument kruċjali fejn il-partit għandu jgħaqqad lit-tesserati għall-ġid tal-partit u għall-ġid ta’ pajjiżna,” spjega Toni Bezzina.
Id-Deputat Toni Bezzina żied jispjega x’se jkun il-messaġġ tiegħu, cioe l-impenn li l-Partit Nazzjonalista jkun aktar qrib in-nies billi jifhem dak li qed iħossu u jgħidu n-nies.
“Il-messaġġ ħa jkun li bħala partit għandna nkunu viċin in-nies; kapaċi nilbsu ż-żarbun tagħhom biex nifhmuhom. U għandna nagħmlu l-almu tagħna biex inressqu n-nies lejn il-partit biex meta jasal iż-żmien, anke għall-elezzjoni li ġejja għall-MEPs, in-nies ikollhom fiduċja fil-Partit Nazzjonalista, u b’hekk inkunu nistgħu nirrappreżentawhom kif jixraq u kif dejjem għamilna,” żied jispjega d-Deputat Toni Bezzina.
Toni Bezzina ilu Deputat Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista sa minn meta kkontesta l-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali tal-2013, u tul dan iż-żmien mhux biss poġġa fuq kumitati Parlamentari iżda kien anke l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista f’diversi oqsma.
//= $special ?>