VALLETTA…………4
LIJA A………………2
Valletta: H. Bonello, S. Borg, R. Camilleri, J. Borg, J. Zerafa, J. Cruz Gill, I. Saleh (R. Fenech 82’), D. Rocha dos Santos (N. Pulis 92’), S. Malano, M. Piciollo, K. Nwoko
Lija: L. Bonnici, P. Babic, L. Muscat (P. Borg 86’), D. Scerri, E. Beu, L. Schembri (A. Galea 81’), A. Kooh Sohna, A. Bello Osagie, C. Cassar, O. Sidibe, D. Leeflang (N. Spiteri 67’)
Imwissija: R. Fenech 84’ (V), N. Spiteri 90’ (L)
Skorjaw: M. Piciollo 12’, 93’, D. Rocha dos Santos 32’, K. Nwoko 46’ (V), E. Beu 41’ pen, 55’ (L)
Referee: Darryl Agius
Assistenti Referees: Roberto Vella, Paul Apap
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Matteo Piciollo (Valletta)
Attendenza: 879
Żewġ gowls fl-ewwel taqsima, wittew it-triq għal rebħa Beltija li ma kinitx faċli daqs kemm wieħed kien qed jaħseb. Valletta kienu fil-kontroll tal-logħba, iżda wara li Lija naqsu d-distakk għal darba darbtejn, l-andament tal-logħba nbidel xi ftit fejn daħlet ftit pressjoni fuq Valletta minħabba li l-logħba ma kinitx magħluqa.
L-iktar importanti għal Valletta kienu t-tliet punti, iżda żgur li l-kowċ Popovic ikun irid li t-tim tiegħu jagħlaq il-logħba qabel. Minkejja li ħarġu fuq in-naħa telliefa, Lija kellhom wirja tajba hekk kif kienu perikolużi f’ċertu fażi tal-logħba. Il-kowċ Belti għal darba oħra kellu jgħaddi mingħajr diversi plejers fosthom Michael Mifsud, Claudio Pani, Uchenna Umeh, Romeu Romao u Rowen Muscat.
Valletta ħolqu l-ewwel azzjoni wara biss minuta b’Matteo Piciollo jikkrossja għan-nofs lejn Denni Rocha dos Santos li prova b’xutt mill-ewwel fil-baxx, iżda x-xutt kien ċentrali u salvat minn Luke Bonnici. Lija wieġbu fil-ħames minuta, u faċilment setgħu marru minn fuq. Abubakar Bello-Osagie qassam vertikalment u ġab lil Raphael Kooh Sohna f’pożizzjoni tajba. L-attakkant avvanza iżda x-xutt finali għadda ftit barra.
Il-Beltin fetħu l-iskor fil-11-il minuta meta minn free-kick mil-lemin ta’ Denni, daħal tajjeb Matteo PICIOLLO li b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Bonnici. Valletta komplew jattakkaw u fi spazju ta’ żewġ minuti kellhom żewġ xuttijiet perikolużi. L-ewwel kien Rocha dos Santos li prova b’xutt li għadda fuq il-mimduda, biex fid-19-il minuta Luke Bonnici kien attent biex salva xutt potenti ta’ Matteo Piciollo minn barra l-kaxxa.
Il-Beltin irduppjaw il-vantaġġ fit-32 minuta. Kien Denni ROCHA DOS SANTOS li ħasad lil Luke Bonnici b’xutt djagonali fil-baxx minn barra l-kaxxa. Piciollo reġa’ prova seba’ minuti wara b’xutt fil-baxx li kien salvat minn Bonnici. Lija rnexxielhom jidħlu fil-logħba fil-41 minuta meta r-referee Darryl Agius ordna penalty għal fawl ta’ Ryan Camilleri fuq Raphael Kooh Sohna. Mill-11-il metru ERJON BEU ma żbaljax.
It-tim ta’ Popovic ħareġ aggressiv u fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima għamlu l-iskor 3-1. Kien kross mix-xellug ta’ Matteo Piciollo li sab l-iżmarkat Kyrian NWOKO li b’daqqa ta’ ras minn qagħda ideali ma żbaljax.
Lija kellhom ċans li jerġgħu jidħlu fil-logħba fit-52 minuta meta din id-darba kien Abubakar Bello Osagie li ħadem azzjoni tajba fuq il-lemin, evita żewġ difensuri b’mod intelliġenti, iżda minn quddiem Bonello xxutja b’mod ċentrali. Madankollu tliet minuti wara skorjaw it-tieni gowl. Kien kross ta’ Bello Osagie lejn Erjon BEU li b’xutt djagonali fil-baxx għeleb lil Henry Bonello.
Valletta reġgħu marru fuq l-attakk u żewġ minuti wara kien Steve Borg li b’azzjoni personali għeleb lil Luke Bonnici iżda ġie mċaħħad mill-wieqfa. Seba’ minuti wara, Matteo Piciollo reġa’ resaq viċin b’xutt imdawwar li spiċċa ċentimetri barra.
Il-logħob żvolġa f’nofs il-grawnd, biż-żewġ timijiet ftit ikunu perikolużi, u kien Denni Rocha dos Santos li fid-89 minuta prova jqabbeż fuq Bonnici iżda t-tentattiv spiċċa fuq il-mimduda. Huma għalqu l-logħba bir-raba’ gowl fl-aħħar azzjoni tal-logħba meta minn kontrattakk kien Kyrian Nwoko li serva lil Matteo PICIOLLO li ma żbaljax minn quddiem Bonnici.
//= $special ?>