Kważi 70% tal-elettriku ġġenerat is-sena li għaddiet ġie kollu mill-interconnector, proġett ta’ Gvern Nazzjonalista. Dan ifisser li s-sena li għaddiet, il-powerstations ta’ Delimara u tal-Marsa ġġeneraw mat-30% biss tal-elettriku kollu ntużat.
Dan joħroġ minn statistika ppubblikata l-Ħamis mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li tat ħarsa lejn il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-2007 sal-2016.
Skont din l-istatistika, is-sena li għaddiet ġew iġġenerati 2.2 miljun megawatt-hours, li minn dawn, 1.5 miljun megawatt-hours ġew impurtati mill-interconnector. Dan ifisser li fl-2016, 67.9% tal-elettriku ġġenerat f’Malta ġie kollu mill-interconnector.
Minkejja li kważi 70% tal-elettriku fl-2016 ġie mill-interconnector, il-Gvern Laburista xorta waħda għażel li jibni powerstation ta’ €400 miljun li taħdem bil-gass u b’ħażna ta’ gass ġo tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk. U dan minkejja li Gvern Nazzjonalista diġà kien beda jħejji proġett biex permezz tiegħu, il-powerstation tal-BWSC tkun tista’ taħdem bid-diesel jew il-gass (Delimara 2).
L-elettriku importat mill-interconnector li jgħaqqad lil Malta mal-grid tal-elettriku fl-Ewropa, huwa ferm irħas mill-elettriku ġġenerat għall-Enemalta mill-powerstation tal-gass, operata mill-Electrogas, u li magħhom hemm kuntratt għal 18-il sena sħaħ.
L-istess statistika ppubblikata mill-NSO tgħid ukoll b’mod ċar li fl-2016, l-emmissjonijiet mill-powerstations waqgħu b’kważi 35% meta kkumparat mill-2015, l-aktar minħabba l-użu tal-interconnector.