Formula 1 Sport

Brendon Hartley se jsuq ma’ Toro Rosso fil-Grand Prix tal-Istati Uniti

Brendon Hartley se jagħmel id-debutt fil-Formula 1 il-ġimgħa d-dieħla

Toro Rosso ħabbru li Brendon Hartley se jkun qed itellaq ma’ Daniil Kvyat fil-Grand Prix tal-Istati Uniti, b’Pierre Gasly jaqbeż din it-tiġrija biex jikkompeti fl-istaġun tas-Super Formula fil-Ġappun.

Hartley hu eks sewwieq taż-żgħażagħ ta’ Red Bull u ilu jikkompeti fil-World Endurance Championship ma’ Porsche, fejn rebaħ il-Le Mans ta’ din is-sena. Is-sewwieq ta’ 27 sena se jtellaq fl-ewwel Grand Prix tal-Formula 1, b’Gasly jikkompeti ma’ Team Mugen f’Suzuka.

Hartley għamel test mar-Red Bull fl-2008 qabel ma sar is-sewwieq ta’ riserva ta’ Red Bull fl-istaġun tal-2009 u l-2010. Iżda hu kien tneħħa minn Red Bull f’Lulju tal-2010 u filwaqt li għamel test ma’ Mercedes fl-2012 u fl-2013, naqas li jassigura postu fil-Formula 1.

L-ewwel sessjoni f’Austin se tkun l-ewwel darba li Hartley se jsuq karozza hybrid. L-inklużjoni ta’ Hartley fissret li Toro Rosso se jkollhom it-tielet line-up differenti ta’ sewwieqa fl-2017.

Gasly kien ħa post Kvyat fil-Grand Prix tal-Malasja u l-Ġappun, iżda b’Carlos Sainz jingħaqad ma’ Renault erba’ tiġrijiet kmieni, ir-Russu se jirritorna f’Austin.

Hekk kif ħabbru t-tluq ta’ Sainz, Toro Rosso qalu li Gasly se jsuq fl-Istati Uniti, iżda Honda li se jagħtu l-magni lit-tim Taljan fl-2018, iridu l-Franċiż li jtellaq fl-aħħar tiġrija tas-Super Formula.

Is-sewwieq ta’ 21 sena jinsab fit-tieni post fil-klassifika tas-sewwieqa, 0.5 punti wara l-leader Hiroaki Ishiura. Gasly mistenni jirritorna għall-aħħar tliet tiġrijiet fil-Messiku, il-Brażil u Abu Dhabi, b’Toro Rosso jevalwaw l-għażliet tagħhom għas-sena d-dieħla.