Lokali

Ċelebrazzjonijiet għall-50 anniversarju tat-Teatru Astra

L-opra Lucia di Lammermoor ta’ Donizetti, se tagħti bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tat-Teatru Astra. Matul dan ix-xahar, it-Teatru Astra se jkun qed jorganizza s-16-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea. L-attrazzjoni prinċipali se tkun l-opra traġika fi tliet atti Lucia di Lammermoor li se terġa’ lura fl-Astra wara nuqqas ta’ 29 sena.

L-opra Lucia di Lammermoor hija opra li tiċċelebra l-istil tradizzjonali ‘bel canto’ tar-repertorju Taljan tad-19-il seklu. Il-melodija u l-‘vuċi kantata’ huma s-sinsla tal-mużika.

L-opra ser issir fis-26 u fit-28 ta’ Ottubru. Il-produzzjoni se jkunu f’idejn Enrico Stinchelli speċifikament għall-palk tat-Teatru Astra. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra mħarrġa minn Maria Frendo se jkunu taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Vella. Minbarra t-tim ta’ kantanti magħrufa internazzjonalment, bal Giulio Pelligra, Boris Pinkhasovich u Dario Russo. Se jkunu qed jieħdu sehem wkoll Cliff Zammit Stevens u Marvic Monreal.

Dawk li jattendu l-opra b’mod regolari u li se jkunu qed iżuru Għawdex matul tmiem il-ġimgħa tal-opra se jkollhom l-opportunità li jattendu numru ta’ avvenimenti oħra mingħajr ħlas.

L-avvenimenti l-oħra fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival jinkludu lekċer storiku mogħti minn George Paul Pisani. L-istoriku tal-arti Mark Sagona se jkun ukoll parti mil-lista ta’ din is-sena ta’ avvenimenti.

Il-Banda Filarmonika La Stella taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Vella se tkun qed tieħu sehem fil-Kunċert Kbir Annwali tradizzjonali, skedat għas-Sibt 18 ta’ Novembru.

Is-Sibt 25 ta’ Novembru, it-Teatru Astra se jospita kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Wayne Marshall, li se jinkludi tliet xogħlijiet kbar minn kompożituri Russi.