Lokali Qorti

FILMAT: Albaniż jitressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil fuq pulizija

Daniel Muka ta’ 22 sena imwieled fl-Albanija dalgħodu tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil fuq tliet kuntistabbli tal-Pulizija, li ħebb għall-pulizija u li rreżista bi vjolenza. Il-każ seħħ tard il-Ħamis filgħaxija f’San Ġiljan.

Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Grazio Mercieca, Muka kien akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-persuna ta’ żewġ kuntistabbli, li kellu fuqu pistola mingħajr permess Hu kien akkużat ukoll b’pussess ta’ droga kokaina.

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Ir-raġel inżamm taħt arrest wara li ma ntlaqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-arrest sar b’rabta mal-investigazzjoni tal-Pulizija dwar is-serqa li saret fuq ġojjellerija f’Tigne’ il-ġimgħa li għaddiet.

Sadanittant il-Pulizija għadha qed tfittex lil Albaniz ieħor, Ramazan Hysa ta’ 24 sena. Il-Pulizija ħarġet ritratt tar-raġel imfittex u nħareġ ukoll mandat Ewropew għall-arrest tiegħu.