Lokali

FILMAT: “Xokk” – Jorbtuh minn idejh u saqajh sakemm jisirquh fid-dar tiegħu stess

Sema' ħoss u malli ttawwal fis-salott, sab ma' wiċċu żewġ ħallelin

Aġġornata b’dettalji ġodda u filmat

Il-Pulizija qed tinvestiga serqa li seħħet ftit qabel id-9.30am fi Triq Norfolk, Tas-Sliema. Minn informazzjoni li kiseb NET News, fis-serqa, raġel intrabat ma’ siġġu minn żewġ ħallelin sakemm dawn serqulu xi oġġetti personali.

Jirriżulta li r-raġel ħalla l-bieb prinċipali miftuħ iżda l-antiporta magħluqa meta minn ġewwa tad-dar, sema’ l-bieb jinfetaħ. Malli ħareġ fis-salott biex jara min kien ġie, sab ma’ wiċċu lill-ħallelin, li minnufih qabduh u rabtuh ma’ siġġu.

NET News tkellem mal-vittma, li għandu 56 sena u li huwa lettur fl-Università, li spjega li hu ntrabat minn idu u minn saqajh b’materjal tal-plastik sakemm dawn serqulu xi oġġetti personali, fosthom laptop. Wara li ħadu dak li rnexxielhom jisirqu, il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post.

Ftit qabel, il-vittma kien għadu kemm mar jixtri minn ħanut tal-merċa sitt bibien ‘l isfel mid-dar tiegħu. Malli r-raġel irnexxielu jinħeles mill-għoqiedi, l-ewwel reazzjoni tiegħu kienet li jirritorna fil-ħanut tal-merċa fejn talab lil sid il-ħanut biex jagħmel kuntatt mal-Pulizija.

Filfatt, kien ftit wara, għall-ħabta tal-għaxra neqsin għaxra li l-Pulizija ġew infurmati bil-każ. Fuq il-post marru Pulizija tad-Distrett biex jinvestigaw kif ukoll uffiċjali mit-taqsima forensika li elavaw il-marki tas-swaba mid-dar fejn seħħet is serqa. L-identità tal-ħallelin għadha mhux magħrufa.

Il-vittma spejga ma’ NET News li minkejja x-xokk li għadda minnu, ħafna ġirien urew appoġġ miegħu fil-ftit mumenti wara li seħħ il-każ. Fortunatament, hu ma ġarrab l-ebda ġrieħi. Sadanittant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ma jistax jonqos is-sens ta’ xokk li jinħass fil-komunità ta’ Tas-Silema, partikolarment fit-toroq ta’ madwar ir-residenza fejn seħħet is-serqa. Ħafna residenti, uħud minnhom anzjani, li fuq il-post tkellmu ma’ NET News, esprimew il-biża’ tagħhom dwar dawn l-inċidenti, li kull ma jmur jidher li qed ikomplu jiżdiedu, b’ħafna jinnutaw li m’għadux jispikka s-serħan il-moħħ tal-imgħoddi.