Sport Sport Ieħor

Il-Beltin u l-Universitarji jibqgħu jirbħu fil-kampjonat tal-Futsal

Nermin Hasanbegovic jifraħ wara wieħed mill-ħames gowls li skorja kontra Marsaskala (Ritratt: Joe Borg)

It-tim tal-Università li qed jipparteċipa għar-raba darba fil-kampjonat lokali, qed juri progress minn staġun għal ieħor. Bħal Valletta, l-Universitarji kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva, meta għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 9-3. Min-naħa l-oħra Valletta li huma wkoll qegħdin fil-quċċata tal-klassifika, għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 6-0. Dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu kontra xulxin proprju l-Ġimgħa tal-ġimgħa d-dieħla.

It-tim tal-Università li deher superjuri għat-tim ta’ Marsaskala, kellu lil Nermin Hasanbegovic li kien f’forma mill-aqwa hekk li skurja ħames gowls. Il-barrani l-ieħor Jose Maria Aguillera Castellano wkoll ħadem ħafna f’diversi partijiet u skurja tripletta.

Ta’ min isemmi wkoll lil Rodney Debono, li huwa wkoll kien ferm strumentali u skurja d-disa’ gowl għat-tim tal-Università. It-tim ta’ Marsaskala kien naqqas l-iskor għal 2-1 permezz tal-iżgħar plejer tagħhom Charlo Buttigieg, li wkoll safa’ mweġġa. Aktar tard skurjaw ukoll Alessio Restuccia u Antonio Fraschilla.

F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Pieta Hotspurs rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 8-5. Ħamrun Tre Angeli dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Mrieħel ESS bl-iskor ta’ 7-2. Tasal it-tieni rebħa għal Swieqi meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 6-3.

Logħob li jmiss

It-Tnejn 16 ta’ Ottubru

Ħamrun v Swieqi             8.00pm

Pietà v Tarxien                9.15pm

Il-Ħamis 19 ta’ Ottubru

Mrieħel v Swieqi U21      8.00pm

Qormi v Junior College    9.15pm

Il-Ġimgħa 20 ta’ Ottubru

Luxol v Marsaskala         8.00pm

Valletta v Università         9.15pm

Tags