Ewropa Lokali

FILMAT: Il-lingwi, it-tagħlim tagħhom u t-traduzzjoni: pont flok xkiel

Il-lingwi differenti jistgħu jkunu xkiel għall-komunikazzjoni, bħal xmara li tifred. Imma t-traduzzjoni, it-tagħlim tal-lingwi u inizjattivi utli u f’waqthom jistgħu jibnu pontijiet li minn fuqhom komunitajiet ta’ ilsna differenti jaqsmu, jitħaddtu u jiftiehmu.

Dan hu li semgħet konferenza mtellgħa f’Dar l-Ewropa, fil-Belt, mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, mill-Inizjamed u mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Il-konferenza kellha t-tema ‘Biex Niftiehmu: mit-Traduzzjoni għall-Integrazzjoni’ u fiha tressqu numru ta’ preżentazzjonijiet li tefgħu aktar dawl fuq is-sitwazzjoni tal-lingwi f’Malta issa li hawn ammonti sostanzjali ta’ immigranti.

Il-konferenza semgħet kif wieħed minn kull ħames ħaddiema f’Malta hu barrani u l-Ministru Evarist Bartolo ammetta li hawn ħafna aktar jaħdmu bla ktieb.

Dan l-ammont ta’ barranin qed ifisser żieda qawwija fl-istudenti tal-iskejjel tal-Istat li l-Malti mhuwiex l-ewwel lingwa tagħhom. Dawn żdiedu minn 500 erba’ snin ilu għal 3,700 din is-sena, seba’ darbiet aktar.

Fl-istess waqt, nofs l-istudenti Maltin ma jgħaddux mis-Sec tal-Malti, suġġett obbligatorju biex ikomplu jistudjaw.

Il-konferenza ttrattat dak li jolqot l-immigrant meta jkun qed jaħdem f’pajjiż fejn ma jafx il-lingwa tal-post. Għalhekk il-bżonn tat-tagħlim tal-Malti u l-Ingliż lill-immigranti, u anke l-bżonn tat-traduzzjoni biex komunitajiet differenti li għandna f’Malta jgħixu aħjar.

It-traduzzjoni hi importanti f’oqsma kruċjali bħas-servizzi tas-saħħa, proċessi legali u trattament mill-Pulizija għax in-nuqqas ta’ ftehim f’dawn l-oqsma jfisser tbatija kbira. U fil-konferenza ħarġet ukoll l-importanza li anke bejn il-Maltin stess, f’dawn l-oqsma jintuża lingwaġġ li jiftiehem.

Ħareġ fil-konferenza li f’Malta qed nemmnu miti li r-riċerka ma sabet ebda prova tagħhom. M’hemm l-ebda evidenza li l-Malti hu mhedded mill-Ingliż, jew viċiversa, jew li l-iskejjel għandu jkollhom lingwa waħda. Min-naħa l-oħra, ir-riċerka sabet li f’pajjiżna stess ma narawx biżżejjed Malti fis-sinjali u fil-kitba, u l-Malti għandu l-periklu li jintuża biss f’ċerti oqsma tal-ħajja ta’ kuljum u mhux fl-oqsma kollha.

Fil-konferenza tkellem l-istilista Ron, Olandiż mit-twelid imma li tgħallem il-Malti fl-aħħar 25 sena u llum jitkellmu b’mod perfett. Hu saħaq li, biex wieħed jirnexxi f’xogħol jew negozju f’Malta, il-Malti jibqa’ essenzjali u vantaġġ kbir.

Fl-istess waqt, il-konferenza ttrattat il-mod kif irid ikollna sens ta’ ospitalità li jifhem li aħna neżistu f’relazzjoni ma’ ħaddieħor u li hemm diversi mezzi, fosthom it-tagħlim tal-lingwi u t-traduzzjoni, biex nilqgħu lil xulxin u niftiehmu aħjar.