Internazzjonali

L-Awstrija tlesti għal vot importanti

Il-Ministru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin, Sebastian Kurz, qed jagħti stimolu ġdid lill-politika tal-Awstrija mindu, f’Mejju, assuma kontroll tal-Partit tal-Poplu taċ-ċentru-lemin.
Sadattant, l-elezzjonijiet ta’ għada fl-Awstrija jistgħu jikkonfermaw lil Kurz fost il-Mexxejja tal-Ewropa bħala l-Kap tal-Gvern fi Vjenna – iżda dan mhux bilfors li jinżel tajjeb mal-Kapijiet Ewropej oħrajn, fosthom il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel.
L-istħarriġ jindika li l-Partit ta’ Kurz se jirbaħ l-akbar ammont ta’ voti minn din l-elezzjoni li kienet xprunata mill-kollass tal-Gvern ta’ koalizzjoni preċedenti magħmul mill-Partit tal-Poplu u s-Soċjali Demokratiċi tal-Kanċillier Awstrijak, Christian Kern.
Filwaqt li għandu għeruq politiċi konservattivi, Sebastian Kurz naqqas ħafna mill-isfida u l-appell tal-Partit tal-Ħelsien Awstrijak populista li hu fost l-aktar movimenti ‘ta’ kontra l-establishment’ li, din is-sena, heddew li jaqilbu l-ordni politika fl-Ewropa.
Iżda s-suċċess ta’ Kurz qed jibbaża fuq manifest li, fil-parti kbira, jixbah dak tal-istess Partit tal-Ħelsien u li qed jippromwovi waqfa għall-immigrazzjoni illegali u kontrolli aktar iebsa fir-rigward tal-aċċessi għas-sistema tal-ġid soċjali ġeneruża tal-Awstrija.
Dan meta l-partit ta’ Kurz u l-Partit tal-Ħelsien it-tnejn huma favur id-difiża ‘stretta’ tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.
Heather Grabbe, id-direttur tal-Open Society European Policy Institute fi Brussell, qalet li ‘fejn jidħlu issues politiċi, il-Partit tal-Ħelsien diġà rebaħ l-elezzjoni għaliex il-proċess qed jikkonċentra fuq l-istess temi li dan il-partit ilu jinsisti dwarhom għal snin’.
In-nies qrib il-kampanja ta’ Sebastian Kurz qed jgħidu li f’każ li hu jirbaħ l-elezzjoni, għandu jieħu passi immedjati biex iserraħ ras l-alleati mill-kredenzjali tiegħu ‘favur l-Ewropa’.
Filwaqt li l-Partit tal-Ħelsien Awstrijak għandu r-rabtiet mal-Gvernijiet tal-Polonja u l-Ungerija – pajjiżi ‘ta’ uġigħ ta’ ras’ għall-Ewropa, speċjalment fi kwistjonijiet relatati għall-immigrazzjoni – Sebastian Kurz qed itenni li għandu jdaħħal mill-ġdid ir-rwol tradizzjonali tal-Awstrija bħala ‘pont’ bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant.
Hu impenja ruħu wkoll biex inaqqas l-intensità ta’ konflitti u sitwazzjonijiet ta’ diżgwid potenzjali.
Madankollu alleati politiċi ta’ Kurz qalu li ‘meta dan il-kandidat jgħid li hu favur l-Ewropa hu, fl-istess ħin, qed iwassal messaġġ dwar il-ħtieġa ta’ riforma istituzzjonali’.
Fil-fatt, Kurz irid sistemi tal-UE li jwasslu aktar malajr għal deċiżjonijiet, iżda hu anki ċaħad ħafna mill-ideat ‘dwar l-integrazzjoni Ewropea’ min-naħa tal-President ta’ Franza, Emmanuel Macron.
Il-Kap tal-Partit tal-Poplu Awstrijak – illum magħruf aktar bħala ‘il-Partit ġdid tal-Poplu — f’dan il-każ qed jargumenta wkoll favur ir-ritorn tal-poter lill-Gvernijiet nazzjonali. Iżda f’każ li Kurz jilħaq Kanċillier tal-Awstrija hu, minkejja l-wegħdiet għal riforma, għandu jkun imxekkel minn sistema politika li ġġiegħlu jsib alleat għal koalizzjoni.
Dan meta hu ippreżenta lilu nnifsu bħala l-persuna li kapaċi ‘jheżżeż’ lis-sistema politika tradizzjonali tal-Awstrija fejn il-Partit tal-Poplu u s-Soċjali Demokratiċi mexxew il-pajjiż flimkien għal 44 mill-aħħar 72 sena.
L-Awstrija se tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea mill-ewwel ta’ Lulju tal-2018.