Futbol Sport

Leozinho jiskorja penalty u jfalli ieħor fit-tielet rebħa Mostija

Ricardo Martin jipprova jżomm il-ballun minkejja li ssikkat minn Thomas Veronese (Ritratt: Martin Agius)

Rapport: George Cassar

MOSTA……………….1

ST. ANDREWS…….0

Mosta: A. Vella, Z. Brincat, T. Veronese, D. Mansi, T. Farrugia, K. Magro, D. Xuereb, D. Nworah (D. Fenech 75’), E. Zarate, C. Martins (G. Blessing 46’) (K. Frendo 83’), Leozinho

St. Andrews: M. Calleja Cremona, T. Blagrove, T. Grant, M. D’Alessandro, D. Jackson, M. Davis (J. Walker 75’), J. Farrugia, R. Martin. M. Grima (A. Friggieri 64’), T. Azian, K. Atkinson

Imwissija: D. Jackson 11’ (SA), Z. Brincat 33’ (M), M. Azian 80’ (SA)

Skurjaw: Leozinho 68’ pen (M)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Roberto Vella, Paul Apap

Il-Mument Plejer tal-logħba: Leozinho (Mosta)

Penalty ta’ Leozinho f’nofs it-tieni taqsima fired lil Mosta minn ma’ St. Andrews fl-ewwel logħba tal-bieraħ fis-Centenary Stadium. Il-Brażiljan li huwa misluf mingħand Floriana kellu anki ċ-ċans li jagħlaq il-logħba b’penalty ieħor lejn it-tmiem iżda fallieh.

Mosta lagħbu partita dixxiplinata fid-difiża fejn id-difensuri ċentrali Tyrone Farrugia u Davide Mansi kif ukoll il-captain Kurt Magro quddiemhom, koprew tajjeb il-lasta difiża minn Andreas Vella li lbieraħ għalaq dsatax-il sena. Fl-attakk Leozinho kien il-plejer tal-logħba fejn uża ħafna l-veloċità tiegħu b’diversi azzjonijiet personali.

Kważi nofs il-formazzjoni inizjali ta’ St. Andrews kienet magħmula minn plejers Ġamajkani li erbgħa minnhom is-sena l-oħra libsu wkoll il-flokk ta’ Mosta. Il-kowċ Marko Glumac ta debutt mill-bidu liż-żagħżugħ ta’ tmintax-il sena Miguel D’Alessandro, filwaqt li reġa’ wera fiduċja totali fl-internazzjonali Malti ta’ taħt id-dsatax-il sena Marcus Grima.

Fl-ewwel taqsima Mosta kienu l-iktar tim li impenja lill-gowlkiper avversarju Matthew Calleja Cremona li salva tajjeb xuttijiet ta’ Christian Martins u Edison Zarate. F’okkażjoni oħra huwa kellu joħroġ minn postu biex antiċipa l-ħarbiet ta’ Leozinho u Zarate.

Kif għaddew siegħa logħob Mosta fallew opportunità tad-deheb meta minn kross ta’ Leozinho, Godwin Blessing ma laqatx il-ballun u Zarate xxuttja għoli minn ħalq il-lasta.

Fis-68 minuta wasal l-episodju li ddetermina r-riżultat meta D’Alessandro waqqa’ lil Leozinho li kien daħal veloċi fi-kaxxa, u r-referee Alan Mario Sant ordna penalty. L-istess attakkant Mosti dawwar il-penalty fil-gowl tar-rebħa. Għaxar minuti mit-tmiem il-gowlkiper Vella dawwar tajjeb f’korner ix-xutt tas-sostitut Aidan Friggieri.

Fl-84 minuta r-referee Sant iġġudika li Tristan Grant waqqa’ lil Leozinho fil-kaxxa u saffar għal penalty ieħor. L-attakkant Mosti kompla jkun protagonist din id-darba fin-negattiv għax il-penalty tefgħu barra. Wara li ż-żewġ timijiet bdew il-partita b’sitt punti kull wieħed, b’dan ir-riżultat, Mosta issa telgħu mat-timijiet ta’ nofs il-klassifika filwaqt li ħallew lil St. Andrews it-tielet mill-aħħar.