Lokali Qorti

Malti u żewġ Taljani jitressqu b’rabta mal-qabda kbira ta’ droga kannabis

Tliet persuni tressqu l-Qorti dalgħodu mill-Pulizija b’rabta mas-sejba kbira ta’ 550 kilogramma ta’ droga kannabis flimkien ma’ €100,000 fi flus kontanti.

Rudolph Said ta’ 35 sena mill-Fgura deher quddiem il-Maġistrat Grazio Mercieca akkużat b’assoċjazzjoni bl-iskop ta’ traffikar tad-droga kannabis u li kellu fil-pussess tiegħu droga li ma kienitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Cristofaro Paratore ta’ 42 sena u Angelo Penna ta’ 60 sena, it-Tnejn minn Catania ukoll tressqu bl-istess akkużi. It-Taljani kienu akkużati wkoll bi traffikar ta’ droga u b’ħasil tal-flus.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-iffriżar tal-assi tal-akkużati.

Id-droga nstabet f’żewġ trakkijiet f’garaxx fil-Fgura bi pjanċi tar-reġistrazzjoni Taljani, u karozza rreġistrata Malta f’parkeġġ f’San Ġiljan.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-qabda, l-Assistent Kummissarju Dennis Theuma stqarr li l-ammont li nqabdat tant hu kbir li l-Pulizija qed issibha diffiċli biex tagħti l-prezz tagħha fis-suq – pero hu żgur li din hi ċifra li tidħol fil-miljuni.

L-Ispettur Kevin Pulis mexxa l-Prosekuzzjoni