Futbol Sport

Manchester City waħedhom fil-quċċata tal-Premier League Ingliż

Gabriel Jesus u Raheem Sterling it-tnejn skorjaw fir-rebħa kbira ta' Manchester City (Premier League)

Manchester City jinsabu fil-quċċata tal-Premier League Ingliż wara li għelbu lil Stoke City 7-2 fl-Etihad Stadium. Gabriel Jesus fetaħ l-iskor fis-17-il minuta, u żewġ minuti wara Raheem Sterling irdoppja, b’David Silva jagħmilhom tlieta fis-27 minuta.

Mame Diouf naqqas id-distakk minuta qabel it-tmiem b’xutt imxellef, u żewġ minuti fit-tieni taqsima daħlu fil-logħba b’awto-gowl ta’ Kyle Walker. Iżda Gabriel Jesus għamilhom 4-2 fil-55 minuta, biex Fernandinho skorja l-ħames gowl mas-siegħa logħob. Leroy Sane niżżel ismu wkoll fost l-iskorers żewġ minuti wara, biex Bernardo Silva ssiġilla r-rebħa fid-79 minuta.

Huma jinsabu żewġ punti fuq Manchester United spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Liverpool f’Anfield. Liverpool kellhom l-inizjattiva u l-pussess iżda ftit kienu perikolużi. L-aħjar okkażjoni li kellhom waslet fl-34 minuta, b’De Gea jsalva b’siequ xutt ta’ Joel Matip, u mill-istess azzjoni x-xutt ta’ Salah għadda barra. Manchester United kellhom ċans tajjeb fit-43 minuta b’azzjoni maħduma tajba iżda x-xutt finali ta’ Lukaku kien ċentrali.

Daqqa ta’ ħarta għal Chelsea li tilfu 2-1 kontra Crystal Palace, b’tal-aħħar jiksbu l-ewwel gowls u punti. Awto-gowl sfortunat ta’ Cesar Azpilicueta poġġa lil Palace minn fuq fil-11-il minuta, iżda seba’ minuti wara Tiemoue Bakayoko ġab id-draw. Crystal Palace skorja l-gowl tar-rebħa qabel tmiem l-ewwel taqsima b’azzjoni personali ta’ Wilfried Zaha.

Gowl lejn it-tmiem dawwar telfa f’rebħa ta’ 2-1 għal Watford kontra Arsenal. Per Mertesacker fetaħ l-iskor għal Arsenal fid-39 minuta. Troy Deeney ġab id-draw fil-71 minuta minn penalty, u fit-92 minuta Tom Cleverley skorja l-gowl tar-rebħa.

Tottenham kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat f’Wembley meta għelbu lil Bournemouth 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fis-47 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Christian Eriksen wara azzjoni personali.

Swansea għelbu lil Huddersfield 2-0. Il-gowls waslu ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima u fil-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ Tammy Abraham.

Burnley u West Ham spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Michail Antonio poġġa lil West Ham minn fuq fid-19-il minuta, iżda sfaw jilagħbu b’raġel anqas fis-27 minuta wara li tkeċċa Andy Carroll. Burnley salvaw il-logħba fil-85 minuta b’gowl ta’ Chris Wood.