Napoli jinsabu ħames punti f’ras il-klassifika tas-Serie A wara li għelbu lil Roma 1-0 fi Stadio Olimpico, biex ħadu vantaġġ mit-telfa ta’ Juventus kontra Lazio. Il-gowl deċiżiv wasal fil-21 minuta meta Dries Mertens ta passaġġ lura li ħabat ma’ Daniele De Rossi u spiċċa f’saqajn LORENZO INSIGNE li minn qagħda ideali għeleb lil Alisson Becker.
Lazio kisbu l-ewwel rebħa fuq Juventus fil-kampjonat mill-2002, b’rebħa ta’ 2-1 fl-Allianz Stadium. Kienu l-Bianconeri li fetħu l-iskor fit-23 minuta meta Strakosha salva parzjalment xutt fil-baxx ta’ Khedira, u mir-rebound kien DOUGLAS COSTA li skorja mill-viċin, gowl li kien konfermat bil-VAR.
It-tim ta’ Simone Inzaghi ġab id-draw fit-48 minuta b’gowl ta’ CIRO IMMOBILE li għeleb lil Buffon b’xutt fil-baxx fir-rokna. Tliet minuti wara, Lazio ngħataw penalty wara li Buffon waqqa’ lil CIRO IMMOBILE fil-kaxxa. Mill-11-il metru, l-istess plejer ma żbaljax.
Fl-94 minuta, Juventus ingħataw penalty għal fawl ta’ Petric fuq Bernardeschi, bir-referee Mazzoleni jordna penalty permezz tal-VAR, iżda mill-11-il metru, il-penalty ta’ Dybala kien salvat minn Strakosha.
//= $special ?>