PIETÀ H. ………………………. 1
QORMI ……………………….. 4
Pietà: M. Montfort, T. Bartolo, J. Ruiz Perez, C. Grech, R. Grixti, Q. Bregman (C. Degabriele 62′), A. Mizzi (N. Pisani 78′), N. Pace Cocks, G. Mensah, J. Busuttil (D. Agius 62′), J.M. Artiaga.
Qormi: J. Azzopardi, J. Caetano Da Silva (I. Zammit 87′), Y. Yankam (K. Spiteri 87′), L. Busuttil (T. Guzman 77′), D. Vukovic, L. Adamec, B. Grech, A. Abela, C. Matombo, M. Camilleri, A. Cassar.
Referee: Stefan Pace
Qormi komplew bil-mixja trijonfali tagħhom fil-quċċata tal-klassifika meta ġabu fix-xejn lil Pietà, it-tim li kien jinsab fit-tieni post tal-klassifika. Pietà kellhom bidu tajjeb u marru kmieni fil-vantaġġ iżda Qormi kellhom ritorn qawwi u wara t-tkeċċija ta’ Grech fil-bidu tat-tieni taqsima l-logħba ma kienx baqa’ fiha storja.
Wara minuta u nofs Pietà marru minn fuq meta GABRIEL MENSAH irċieva ballun fit-tul mingħand Busuttil u bid-difiża ta’ Qormi kompletament żbilanċjata dan avvanza u għeleb lil Azzopardi b’xutt fil-baxx.
Iżda Pietà ma tantx gawdew il-vantaġġ għaliex sitt minuti wara Qormi kisbu d-draw, rigal tad-difiża ta’ Pietà li ma ħelsitx mil-ballun u CAETANO DA SILVA skorja b’xutt minn tarf il-kaxxa. Fit-12-il minuta minn azzjoni ta’ korner id-daqqa ta’ ras ta’ Yankam kienet imtajjra minn fuq il-linja minn Bartolo.
Qormi komplew jattakkaw u Montfort dawwar għal korner b’diffikulta freekick ta’ Adamec. Fit-33 minuta Qormi marru minn fuq, frott ta’ inċertezza oħra din id-darba f’nofs il-grawnd minn naħa ta’ Ruiz Perez u approfitta CHRIS MATOMBO li ġera nofs grawnd qabel għeleb lil Montfort b’xutt fil-baxx.
Pietà ftit li xejn wettqu reazzjoni u Qormi komplew jattakkaw fl-aħħar ħinijiet tat-taqsima u resqu viċin b’xutt ta’ Yankam li ħabar ma’ Ruiz Perez u għal ftit ma spiċċax fix-xibka.
Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima daqqa ta’ ħarta għal Pietà meta l-captain tat-tim Christian Grech dabbar it-tieni karta safra għal fawl fuq Michael Camilleri. Minuta wara Montfort salva lil sħabu b’titjira sabiħa fuq xutt ta’ Luke Busuttil.
Fit-58 minuta Qormi kabbru l-iskor b’azzjoni mill-aqwa fuq ix-xellug mibdija minn Luke Busuttil li qassam lejn DEJAN VUKOVIC li żamm il-ballun tajjeb fil-kaxxa u spara wara Montfort. Wara dan il-gowl il-logħba tilfet ħafna mill-interess tagħha bil-Qriema jikkontrollaw mingħajr tbatija.
Fit-78 minuta Caetano Da Silva kien sfortunat meta xuttt tiegħu ħabat mnal-wieqfa u minuta wara l-iskor kiber favur Qormi meta Montfort wettaq żewġ saves brillanti fuq xuttijiet ta’ Guzman u Yankam u ma seta’ jagħmel xej fuq it-tielet konklużjoni ta’ CAETANO DA SILVA.
Botta u risposta fit-tieni taqsima
ŻABBAR SP ………………………..1
QRENDI ……………………………. 1
Żabbar: J. Grech, A. Pulis (S. Cesare 46′), N. Falzon, D. Pace, K. Sacco, A. Azzopardi (C. Camilleri 55′), S. Diacono (G. Tabone 61′), C. Stewart, K. Cutajar, K. Borg, C. Magro.
Qrendi: J. Azzopardi, M. Farrugia, B. Bondin, P. Mrvic, D. Santos Da Hora, Z. Bowman, D. Sammut (A. Agius 56′), L. Scorfna (J. Fenech 69′), E. Amaira, S. Nakamura, K. Abela (J. Spiteri 66′).
Referee: Jude Amin Utulu
Qrendi u Żabbar, żewġ timijiet promossi mit-tieni diviżjoni u żewġ timijiet li f’dan il-bidu tal-kampjonat impressjonaw, ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom ilbieraħ meta offrew spettaklu fi draw ta’ 1-1 biż-żewġ gowls jaslu fit-tieni taqsima.
Qrendi kellhom iktar mil-logħob u iktar ċansijiet ta’ skor, iżda ż-żgħażagħ Żabbarin, mingħajr barranin u mmexxija minn Alfred Atttard, ma serqu xejn anzi kellhomk il-mertu li x’ħin sofrew il-gowl wettqu reazzjoni u rnexxielhom isalvaw ir-riżultat.
Wara sittin sekonda ċans tajjeb għal Qrendi wara azzjoni verament tajba mibdija minn Nakamura iżda Dassier Sammut falla minn quddiem il-lasta. Fid-disa’ minuta Kenneth Abela niżżel tajjeb bir-ras lejn Nakamura li mpenja lill-goalkeeper Żabbari li salva b’diffikulta.
Qrendi komplew iżommu l-inizzjattiva u fil-21 minuta xutt ta’ Santos Da Hora ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka. Fis-27 minuta kontrattakk perikoluż ta’ Żabbar mibdi minn Stewart li qassam lejn Kurt Borg li x-xutt tiegħu kien salvat b’siequ mill-goalkeeper ta’ Qrendi Azzopardi.
Tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Qrendi fetħu l-iskor b’azzjoni tajba fuq ix-xellug ta’ Mark farrugia li qassam lil SHUNSUKE NAKAMURA li kkontrolla tajjeb u mill-viċin għeleb lil Grech b’xutt fil-baxx.
Żabbar kellhom reazzjoni immedjata b’xutt ta’ Kurt Borg salvat minn Azzopardi. Il-logħba saret issa iktar miftuħa u Żabbar kisbu l-gowl tad-draw fit-73 minuta meta Kurt Borg kellu ġirja tajba fil-lemin u mpenja lil Azzopardi b’xutt fil-baxx u mir-rebound kien CHRISTIAN STEWART li spara l-ballun fix-xibka.
Erba’ minuti mit-tmiem Żabbar spiċċaw bi plejer inqas meta Dillon Pace intwera t-tieni karta safra wara daħla fuq is-sostitut Aaron Agius. Fil-ftit ħin li kien fadal Qrendi assedjaw lill-avversarji li kienu salvati biss minn żewġ interventi brillanti tal-goalkeeper Grech fuq xuttijiet mill-viċin ta’ Nakamura.
//= $special ?>