Lokali

Studenti ġodda fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex

Fl-aħħar ġimgħat ingħata bidu għas-sena l-ġdida ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fid-Djoċesi ta’ Għawdex.Din is-sena, żewġ żgħażagħ qed jibdew il-mixja tagħhom fis-Seminarju, filwaqt li fil-fażiPropedewtika hemm ħames żgħażagħ.

Il-fażi Propedewtika hija żmien ta’ formazzjoni li fih iż-żagħżugħ, wara li jkun temm l-istudji postsekondarji, jiġi megħjun jirrifletti u jiddixxerni aħjar dwar is-sejħa vokazzjonali tiegħu qabel jiġi milqugħ biex jidħol fis-Seminarju Maġġuri. Id-Direttur ġdid tal-Propedewtika fid-Djoċesi ta’ Għawdex hu Dun Anthony Bajada.

Wieħed mill-propedewtiċi l-ġodda li ser jirċievi l-formazzjoni hu mill-Vigarjat Appostoliku ta’ Izabal fil-Gwatemala, fejn hemm il-missjunarju Għawdxi Dun Anton Grech u fejn il-komunità tas-Seminarju Maġġuri wettqet ħidma missjunarja s-Sajf li għadda.

Fuq talba tal-Isqof ta’ Izabal, il-Knisja f’Għawdex ser toffri l-formazzjoni u tgħin lil dan iż-żagħżugħ fil-mixja tiegħu għas-saċerdozju. Matul din is-sena ta’ dixxerniment vokazzjonali fis-Sena Propadewtika fid-Djoċesi ta’ Għawdex, Carlos Fernando Vargas Tobar, żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Parroċċa ta’ Puerto Barrios, fil-Gwatemala, sa jkun residenti fid-Dar Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita,Ta’ Sannat, fejn jieħu sehem ukoll fil-ħajja pastorali ta’ dik il-komunità.