Futbol Sport

Vella jirrispondi għal Kajevic f’partita kumbattuta

Ini Akpan joħroġ jimblokka f'azzjoni ta' korner (Ritratt: Martin Agius)

Rapport: George Cassar

FLORIANA…..1

BALZAN……….1

Floriana: I. Akpan, A. Cini, A. Oyama, E. Ruiz, E. Pepe, C. Borg, S. Pisani, M. Vella, N. Chiesa (D. Grima 52’), M. Fontanella, I. Varela

Balzan: I. Janjusevic, S. Arab (M. Lepovic 89’), S. Bezzina, M. Johnson, Bruno, P. Fenech, Cadù, R. Fenech, U. Ljubomirac. Lecaò (J. Grioli 91’), B. Kaljevic (A. Effiong 69’)

Imwissija: S. Pisani 3’, M. Vella 10’ (F), R. Fenech 32’, S. Arab 42’ (B), E. Pepe 90’ (F), C. Borg 92’ (F)

Skurjaw: B. Kaljevic 54’ (B), M. Vella 72’ (F)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Sammy Attard

Il-Mument Plejer tal-logħba: Cadù (Balzan)

Attendenza: 617

Bojan Kaljevic u Maurizio Vella skurjaw fit-tieni taqsima biex Floriana u Balzan qasmu l-punti f’partita mill-iktar kumbattuta. Ħadd miż-żewġ timijet ma kien ħaqqu joħroġ b’idu vojta, hekk kif it-tnejn issieltu ħafna f’nofs il-grawnd u l-konklużjonijiet perikolużi ġew minn kull naħa.  Ħasra li dan kollu ntlagħab  quddiem 600 ruħ biss.

Floriana kellhom lill-kowċ Giovanni Tedesco nieqes minn fuq il-bankina minħabba sospensjoni. Ir-rwol tiegħu ħadu l-assistent Jonathan Holland. Il-veteran ta’ 37 sena Nicolas Chiesa kien qed jirritorna għal-logħob wara nuqqas ta’ erba’ partiti iżda jidher li reġa’ weġġa’ fil-bidu tat-tieni taqsima u kellu jinbidel. Postu ħadu Dylan Grima li kien qed jilgħab għall-ewwel darba kontra t-tim li għal tliet staġuni kien ukoll il-captain tiegħu.

Wara bidu ta’ kampjonat xi ftit inċert taħt tmexxija teknika ġdida, Balzan jidher li issa qed jissetiljaw u lbieraħ taw waħda mill-aħjar wirjiet tagħhom ta’ dan il-kampjonat. F’nofs il-grawnd kien hemm ix-xogħol bla waqfien tal-koppja internazzjonali Maltija Paul Fenech u Ryan Fenech, iżda mhux bl-inqas ukoll il-Brażiljan Cadù li l-veloċità tiegħu bdiet tibda diversi kontrattakki ta’ Balzan.

Floriana resqu ferm qrib f’nofs l-ewwel taqsima meta wara pass ta’ Chiesa, Ignacio Varela xxuttja lejn il-lasta bid-difensur Bruno Giglio jsalva s-sitwazzjoni meta jtajjar bir-ras minn fuq il-linja

Wara kważi għaxar minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Balzan biddlu l-iskor meta Bojan KALJEVIC baqa’ jinsisti b’azzjoni personali mal-lemin sakemm ikkonkluda b’azzjoni minn pożizzjoni angolata li kienet preċiża biżżejjed biex tegħleb lil Ini Akpan

Fit-72 minuta Floriana għamlu l-iskor indaqs meta minn korner ta’ Steve Pisani, id-daqqa ta’ ras ta’ Enzo Ruiz kienet salvata minn Ivan Janjusevic iżda Maurizio VELLA ħa l-ballun mitluf u skorja l-gowl Furjaniż.

Il-punt miksub ma jikkuntenta lil ħadd hekk kif xorta baqgħu ma resqux iktar qrib tal-ewwel post. Madankollu ż-żewġ naħat għandhom żgur biex ikunu kuntenti bil-wirja tal-plejers tagħhom li tagħti sinjali pożittivi ħafna għalihom għall-kumplament tal-istaġun.