Lokali

Babilonja f’Monte Carmeli

L-istaff mediku – tobba speċjalizzati, infermieri u oħrajn – għadu perpless kif id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għamel żjara ta’ ftit minuti fl-Isptar Monte Carmeli u biex isolvi l-problema tan-nuqqas ta’ sodod fost pazjenti bi problema ta’ droga, ordna li sala partikulari b’pazjenti bi problemi ta’ dimensja titbattal u l-istess pazjenti ġew imferrxa ma’ diversi swali oħrajn biex b’hekk il-pazjenti bi problemi ta’ droga tpoġġew f’din is-sala partikulari.

Dan kollu ġara f’dawn il-jiem meta bħalissa l-Isptar Monte Carmeli jinsab taħt il-lenti minħabba l-mod kif qiegħed jitmexxa mill-Gvern li kulma jmur qed jirriżulta aktar li iżjed mill-kura tal-pazjenti, hemm prijoritajiet oħrajn.

“Deċiżjoni tad-Deputat Prim Ministru li ma tagħmilx sens”

Minn informazzjoni li kisbet il-mument jirriżulta li fil-jiem li għaddew il-Ministru Fearne mar fl-Isptar Monte Carmeli biex jara s-sitwazzjoni x’inhi. Din iż-żjara damet biss ftit minuti u b’riżultat tagħha ddeċieda li l-problema tan-nuqqas ta’ sodod f’Sala 8B li takkomoda pazjenti bi problemi ta’ droga setgħet tkun indirizzata billi titbattal mill-pazjenti s-sala li fiha kien hemm pazjenti bi problemi severi ta’ dimensja.

Il-pazjenti li kien hemm f’din is-sala – 25 b’kollox – infirxu fost is-swali l-oħra tal-Isptar Monte Carmeli u hekk din is-sala partikulari nbidlet biex tilqa’ lill-pazjenti bi problemi ta’ droga.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument fissru din id-deċiżjoni li ħa l-Ministru Chris Fearne ma tagħmel assolutament ebda sens fejn pazjenti bil-problema tad-dimensja – ilkoll ta’ ċerta età – flok jinżammu flimkien, ikunu mferrxa mas-swali tal-Isptar Monte Carmeli.

Din il-gazzetta għandha informazzjoni li saħansitra kien hemm min fost l-istaff mediku li pprova jiġbed l-attenzjoni dwar din id-deċiżjoni żbaljata tal-Ministru Fearne, iżda jidher li d-deċiżjoni f’dan l-istadju hi finali.

Ilmenti mill-qraba tal-anzjani bid-dimensja

Din is-sitwazzjoni qanqlet ilmenti wkoll fost il-qraba ta’ dawn il-pazjenti bil-problema tad-dimensja li wkoll fehmu li deċiżjoni assurda u mgħaġġla bħal din mhux veru li kienet tpoġġi lill-pazjenti fiċ-ċentru tal-kura u l-attenzjoni, iżda kienet imposta biss biex il-Ministru jipprova jsib soluzzjoni għan-nuqqas ta’ sodod li hemm f’Sala 8B.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument fissru li din l-ordni biex setgħet tidħol fis-seħħ wasslet biex l-anzjani bil-problema tad-dimensja – uħud minnhom kienu ilhom f’din is-sala bejn 10 u 15-il sena – saret fl-eqqel tal-lejl u din il-manuvra kompliet tefgħet dell ikrah ħafna fuq dan it-trasferiment ta’ pazjenti.

Pazjenti mċaqalqa fis-satra tal-lejl

L-istaff mediku fl-Isptar Monte Carmeli wkoll esperjenza xi ħaġa tal-mistħija hekk kif għadd ta’ pazjenti, fis-satra tal-lejl, ittieħdu mill-post/sodda fejn kienu ilhom joqogħdu għal bosta snin għal postijiet oħrajn mingħajr kliem u spjegazzjoni, sempliċement għaliex “ġiet ordni minn fuq.”

L-infermieri li kienu xogħol f’din is-sala partikulari ta’ dawn il-pazjenti lanqas biss kienu mgħarrfa b’dak li kien se jiġri u dawn ukoll ħaduha bi kbira għaliex mal-istess pazjenti kienu bnew rapport verament tajjeb.

Servizz li mar lura u abbużi fost il-pazjenti

Is-sorsi ta’ il-mument fl-Isptar Monte Carmeli qalu li s-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli hi tat-tħassib u fl-aħħar ġimgħat il-kwalità tas-servizz marret lura ħafna.

Sala 8B fejn kien hemm il-pazjenti nisa bi problemi ta’ droga kienet saret żgħira wisq. “Biss biss kien hemm toilet wieħed.; mhux biss għar-residenti f’din is-sala, iżda minnu riedu jagħmlu użu wkoll pazjenti rġiel bi problemi ta’ droga.”

“Ftit ġimgħat ilu raġel u mara nqabdu f’atti intimi f’dan it-toilet u għalhekk kien meħtieġ aktar minn qabel li tittieħed azzjoni biex in-nisa bi problemi ta’ droga jkunu separati mill-irġiel bl-istess problema… xi ħaġa li messha kienet antiċipata ferm u ferm qabel għax kulħadd kien qed jistenna li se ssir xi waħda bħal din,” qal is-sors ta’ il-mument.

Hu kompla li minkejja li kien sar servizz ieħor ta’ toilet, il-problemi f’Sala 8B komplew jiżdiedu sal-punt li ġieli kien hemm okkażjonijiet meta pazjenti traqqdu fuq saqqijiet fl-art jew fuq sodda fil-kuritur. It-tipjip fis-sala kien l-ordni tal-ġurnata u dan minkejja ordnijiet biex dan l-abbuż jitwaqqaf minnufih.

Is-sors kompla jgħid li f’Sala 8B lanqas biss kien hemm servizzi bażiċi meħtieġa mill-pazjenti, fosthom mezzi biex tingħata l-antidote. Is-sitwazzjoni kienet qed taħrab minn kull kontroll iżda minflok kienu indirizzati l-problemi speċifiċi ta’ din is-sala, issa hawn sitwazzjoni ferm aktar preokkupanti.

Iżda dan mhux kollox għax l-Isptar Monte Carmeli spiċċa wkoll b’soqfa joqtru u sodod ħdejn xulxin mingħajr ebda ħarsien għad-dinjità u l-privatezza tal-pazjenti.