Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qed jitkellem il-leħen tal-poplu: lest jgħin lill-Gvern bla pjan

Il-Partit Nazzjonalista qed jitkellem bil-leħen tal-poplu Malti u Għawdxi, u għalhekk qed joffri d-disponibilità tiegħu li jgħin lill-Gvern li la kellu pjan għall-bieraħ, la għal-lum u wisq anqas għal għada.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jagħmel diskors qasir fil-Pjazza tal-Mosta, qabel iltaqa’ mar-residenti u qatta’ ħin twil jitkellem mas-sidien tal-istabbilimenti fiż-żona.

Adrian Delia qal li inutli l-politiċi joqgħodu jitkellmu dwar il-budget, iżda wieħed irid jara x’qed iħossu n-nies dwar dan l-istess budget. Hu sostna li n-nies li ltaqa’ magħhom matul din il-ġimgħa mhux iħossu li l-budget qed ilesti l-pajjiż għall-futur, u dan għaliex il-Gvern m’għandux pjan.

Adrian Delia qal li dwar l-edukazzjoni – il-pedament ta’ dak li qed nagħtu lit-tfal tagħna biex isiru ċittadini ta’ Malta ta’ għada – l-Gvern qiegħed, b’arroganza, jagħti l-impressjoni li qed jisma’ l-għalliema, meta fil-verità la qed jitrattahom b’dinjità u lanqas b’serjetà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għal dak li qed tgħid l-Union tal-Għalliema, fejn fost l-oħrajn qed tirreferi għal kriżi fost l-għalliema għaliex il-Gvern mhux jiprovdi l-kundizzjonijiet li hemm bżonn. Adrian Delia qal li jekk fl-edukazzjoni – il-pilastru li minnu rridu nibnu Malta u Għawdex ta’ għada – l-Gvern m’għandux pjan, aħseb u ara kemm m’għandux pjan fis-settur l-oħra.

Adrian Delia rrefera għall-akbar pjaga li qed therri liċ-ċittadini Maltin ta’ kuljum: it-traffiku. Hu sostna li n-nies jimpurtahom kemm se jdumu biex jaslu minn post għall-ieħor, iżda l-Gvern m’għandux pjan għat-trasport ta’ pajjiżna.

Hu sostna li jekk qabel kont iddum siegħa u nofs biex tasal minn post għall-ieħor, wara l-budget, xorta se tibqa’ ddum siegħa u nofs. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jgħin u lest li jpoġġi bilqegħda biex l-ewwelnett, il-Gvern jirrikonoxxi l-problema, u t-tieninett joħloq pjan ta’ kif se jindirizzaha.

Kompla li hi ħasra li f’wieħed mill-aktar pajjiżi żgħar tad-dinja, in-nies qed jaffaċċjaw l-aktar ħinijiet twal biex jagħmlu waħda mill-aktar affarijiet bażiċi: li jaslu minn post għall-ieħor.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-budget qed jinjora l-pensjonanti, għaliex dawn l-anzjani li jkunu ilhom snin twal jaħdmu, mhux qed ikollhom is-serħan tal-moħħ biex jgħixu f’dinjità.

Hu qal li l-Gvern għażel li jagħti biss €2 lill-anzjani, meta l-anzjani żgur li nefqu ferm aktar minn €2 fi prodotti bis-SISA li għolla l-istess Gvern. “Il-Gvern qed jidħaq bin-nies għax mhux veru qed jaħseb fil-futur,” qal Adrian Delia.

Filwaqt li qal li hu lest li jpoġġi bilqegħda u jiddiskuti kif il-pensjonanti jista’ jkollhom serħan il-moħħ, Adrian Delia qal li ma jistax jaqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern li l-uniku soluzzjoni li għandu hi li l-anzjani jbiegħu djarhom.

“Konna niftaħru bl-ogħla home ownership fl-Ewropa, u issa l-Gvern bla pjan irid li jherri s-soċjetà tagħna,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dwar l-iskart, Adrian Delia qal li l-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u ma jaċċettax l-istedina tal-Oppożizzjoni għal diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent.

Hu qal li dan hu tort ta’ Gvern bla pjan li ilu erba’ snin jinjora din il-problema u issa pajjiżna se jispiċċa f’sitwazzjoni fejn m’għandux fejn jarmi l-iskart. Hu appella lill-Gvern biex flimkien mal-Oppożizzjoni jpoġġi fuq il-Kumitat fejn l-Oppożizzjoni għandha leħen b’saħħtu li jista’ jikritika u jagħmel il-proposti, u fejn il-leħen tal-Oppożizzjoni jibqa’ jkun il-leħen tan-nies.

Fl-aħħarnett, Adrian Delia kritika l-fatt li f’diskors ta’ sagħtejn, il-Gvern iddedika biss tliet linji għall-kriminalità.

Hu rringrazzja lill-Pulizija li fil-ġranet li għaddew kienu nvoluti fl-akbar qabda tad-droga li kien hawn f’pajjiżna, kif ukoll lil dawk li weġġgħu waqt li kienu qed jiddefendu lill-poplu Malti u Għawdxi. Hu sostna li filwaqt li ftit tas-snin ilu, Malta kienet magħrufa bħala l-aktar pajjiż sigur fl-Ewropa, issa, Malta qed tkun magħrufa bħala ċentru għat-tqassim tad-droga kif ukoll bħala trasport tal-prostituzzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern m’għandux pjan, u li l-Partit Nazzjonalsita lest mhux biss jikritika lill-Gvern, iżda jgħin biex iċ-ċittadini Maltin ikollhom ħajjithom aħjar mill-lum.