Internazzjonali

Is-Sirja: Assalt finali biex jeħilsu Raqqa mill-ISIS

Qawwiet anti-ISIS li huma appoġġjati mill-Istati Uniti bdew l-assalt finali fuq l-aħħar militanti tal-grupp terroristiku li għad fadal f’Raqqa u l-madwar.

Il-Qawwiet Demokratiċi Sirjani fetħu l-offensiva wara li konvoj ta’ ġellieda tal-ISIS u l-familji tagħhom telqu minn Raqqa fil-lejl tas-Sibt u l-Ħadd. Intant, qed jingħad li mal-militanti tal-ISIS hemm ukoll ċivili ‘bil-għan li jservu bħala tarka umana’.

Ma kienx ċar kemm kien fadal terroristi f’Raqqa li damet bħala fortizza ewlenija tal-ISIS, tant, li, fl-2014, kienet iddikjarata ‘il-kapitali tal-Kalifat ( tal-ISIS)’.

Il-Qawwiet Demokratiċi Sirjani –alleanza ta’ milizzji Kurdi u Għarab – ilhom jassedjaw Raqqa għal kważi erba’ xhur u, qabel din il-battalja, il-kelliema għall-qawwiet sostnew li mhumiex se jieqfu mill-kumbattimenti ‘sakemm inaddfu l-belt sħiħa mit-terroristi li ma jkunux iridu jċedu’ u li jinkludu wkoll militanti fanatiċi barranin.

Mistenni li l-battalja deċiżiva għal Raqqa ddum għaddejja żmien, bil-Kurunell Ryan Dillon, tal-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana, jantiċipa ‘waqtiet ta’ ġlied diffiċli’.

It-telfa ta’ Raqqa għandha titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira oħra għall-ISIS li ilu x-xhur jitlef kontroll fuq territorji fis-Sirja u daqstant ieħor l-Iraq.