Internazzjonali

Tikber iċ-ċifra tal-mewt min-nirien ta’ Kalifornja

 

Mietu tal-anqas 40 persuna, b’mijiet għadhom irrappurtati nieqsa, wara sitt ijiem ta’ nirien (wildfires) inkontrollabbli fl-Istat Amerikan ta’ Kalifornja. Dan meta nqerdu territorji sħaħ qalb il-kampanja, minbarra eluf ta’ residenzi.

Il-Gvernatur ta’ Kalifornja, Jerry Brown, fisser l-inċidenza tan-nirien bħala ‘waħda mill-akbar traġedji li l-Istat qatt kellu jiffaċċja’u meta, eluf kbar ta’ membri tal-iskwadri għal kontra n-nirien qegħdin jikkumbattu l-fjammi li baqgħu jaqbdu.

Is-sitwazzjoni saret aktar perikoluża fl-aħħar sigħat fejn in-nirien – xprunati minn irwiefen b’veloċità ta’ 70 kilometru fis-siegħa – avviċinaw aktar bliet fl-Istat ta’ Kalifornja, bir-riżultat ta’ evakwazzjonijiet kontinwi.

Waħda mill-agħar zoni affettwati hi Santa Rosa, fir-reġjun ta’ Sonoma magħruf għall-produzzjoni tal-inbid, u minn fejn kienu evakwati tal-anqas 3,000 persuna fi tmiem il-ġimgħa biss.

Il-Gvernatur Brown, li żar din iz-zona, qal li ‘wieħed ma jemminx l-iskala ta’ qerda (min-nirien) li aktar, kulma jmur, qiegħda tiżdied’. Hu kompla li ‘wieħed bilkemm seta’ qatt jimmaġina orrur fuq livell hekk devastanti’.

Din l-inċidenza ta’ wildfires qed tissemma bħala l-agħar każ ta’ nirien ta’ dan it-tip fl-istorja ta’ Kalifornja.