Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu “xxukkjat b’dan il-fatt.”
Fi stqarrija f’Kastilja madwar siegħa u nofs wara d-delitt, Joseph Muscat qal li dak li seħħ illum hu inaċċettabbli fuq kull livell. Ikkundanna bla riżervi dan “l-attakk barbaru fuq il-persuna u l-liberta’ tal-espressjoni f’pajjiżna.”
Joseph Muscat qal li Daphne Caruana Galizia kienet kritika ħarxa tiegħu, kemm politikament kif ukoll personalment. “Madanakollu ma nista’ nuża qatt dan il-fatt biex jiġġustifika bl-ebda mod possibbli dan l-att barbaru li jmur kontra kull dinjita’ u kull ċivilta’.”
Il-Prim Ministru qal li ta struzzjonijiet lill-pulizija kif ukoll lis-servizzi kollha tas-sigurta’ fil-pajjiż biex jieħdu kull miżura biex il-ħati jew ħatja jitressqu quddiem il-ġustizzja. Ta struzzjonijiet biex tiġi mitluba assistenza minn korpi tas-sigurta’ minn pajjiżi oħra fl-investigazzjonijiet.
Joseph Muscat qal li kkomunika mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u qasam miegħu l-informazzjoni li għandu sa issa. Għaldaqstant, bi qbil bejn iż-żewġ naħat, id-diskors ta’ Adrian Delia b’replika għad-diskors tal-Budget kellu jiġi pospost u minflok se jsiru stqarrijiet miż-żewġ naħat tal-Kamra f’din li ġiet deskritta bħala “ġurnata sewda għall-liberta’ tal-espressjoni f’pajjiżna”.
Il-PM qal li hu l-Prim Ministru ta’ kulħadd u s-saħħa tad-demokrazija tagħna toħroġ f’mumenti bħal dan, fejn irridu nkunu lesti niddefendu l-prinċipji tagħna u d-drittijiet ta’ kull wieħed u waħda minna.
Hu appella għall-għaqda nazzjonali u mhux se jistrieħ sakemm issir ġustizzja għaliex il-pajjiż jistħoqqlu ġustizzja.
“Kulħadd għandu dritt jikteb u jgħid li jrid f’pajjiżna u min iħossu nġurjat, għandu d-dritt tal-protezzjoni tal-Qrati u ebda rimedju ieħor. Mhux se nistrieħ qabel nara li ssir ġustizzja f’dan il-każ. Għaliex pajjiżna jistħoqqlu ġustizzja,” temm il-Prim Ministru.
//= $special ?>