Il-mewt tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia żgur li ħalliet lil pajjiżna taħt degħxa waħda li ser tolqot liċ-ċittadini għal dawn il-ġimgħat u xhur li ġejjin.
Bosta entitajiet qasmu d-dieqa tagħhom għal dan l-att barbaru u oxxen li hija theddida ċara għal-libertà tal-espressjoni ħielsa f’Malta.
B’reazzjoni ta’ dan li qed jiġi meqjus bħala Jum ta’ theddida għas-sisien tad-demokrazija l-Arċisqof Charles J. Scicluna sostna li kkundanna bl-iżjed mod qawwi dan l-att faħxi.
“It-telfa ta’ Daphne Caruana Galizia timliena bi swied il-qalb u bid-determinazzjoni li niddefendu d-demokrazija sal-aħħar”, sostna dan l-Arċisqof.
Huwa insista li l-poplu jrid iqum u jiddefendi d-dinjità ta’ kull wiehed sabiex jiġi difiż l-valur tad-demokrazija ħalli bil-kliem issa ngħaddu għall-fatti.
Filwaqt li wera solidarjetà mal-qraba tal-vittma, l-Arċisqof Scicluna ħeġġeġ lill-ġurnalisti sabiex ma jibżgħu minn ħadd u jiddefendu l-verità.
Fi stqarrija l-Kamra tal-Avukati ikkundannat bla ebda riserva dan l-att makabru fejn ġie spjegat li f’pajjiż ċivili bħal tagħna atti ta’ dan it-tip m’humiex aċċettabbli u l-Kamra insistiet li qed tistenna li jittieħdu dawk il-passi kollha skond il-liġi biex jiġi assikurat li ssir ġustizzja.
Il-Partit Laburista kkundanna dan l-aġir u insista li mhux aċċettabbli f’dik li hi suppost soċjetà ħielsa. Dan filwaqt li l-Alternattiva Demokratika spjegat li l-omiidju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa attakk kodard li jirrifletti fuq pajjiż sħiħ.
L-istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna bil-qawwa kollha l-qtil tal-ġurnalista. Fi stqarrija spjegat li għall-komunita’ tal-ġurnalisti lokali dan hu każ xokkanti u li jolqot direttament id-dritt tal-liberta’ tal-espressjoni. Dan filwaqt li ġiet enfasizzata li ankeè jekk mhux dejjem wieħed qabel ma’ dak li kitbet is-Sinjura Caruana Galizia, bla dubju ta’ xejn, bħal kull ċittadin ieħor kellha dritt tesprimi ruħha u terfa’ r-responsabbilta’ għal dak li kitbet.
L-istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella lill-Pulizija biex tagħmel dak kollu possibbli biex jinstabu l-ħatja ta’ dan id-delitt gravi biex jieħdu dak li ħaqqhom skont il-liġi.
Dan hu jum ikrah għad-demokrazija fil-pajjiż li għandu jsib il-kundanna ta’ kulħadd.
L-IGM, appellat għal kull ġurnalist u ġurnalista sabiex ma jħallux din it-traġedja tkiddhom milli jkompli jaqdi d-dmir tiegħu lejn is-soċjeta’ u jkompli jirrapportaw bla biża’ jew favuri dak kollu li hu fl-interess pubbliku u ta’ interess għas-soċjeta’.
L-MGRM, aditus Foundation, Integra Foundation, Iil-Critical Institute u l-Platform of Human Rights Organisation f’Malta esprimew il-kondoljanzi tagħhom lill-familja ta’ Caruana Galizia filwaqt li saħqu li dan il-qtil huwa attakk dirett fuq il-libertà tal-espressjoni. Huma wkoll ħeġġew lill-Gvern sabiex jiżgura li l-id wara dan l-attakk faħxi jinqabad sabiex issir ġustizzja.
Finalment fi stqarrija l-iStrickland Foundation iddeskrivew lil Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista li kienet twettaq xogħolha mingħajr biża’ jew favuri. Huma kkunsidraw dan il-qtil makabru bħala attakk faħxi u dirett fuq il-libertà tal-espressjoni u insistew li sseħħ azzjoni immeddjata u effetiva mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż bil-għan li l-awturi ta’ din l-oxxenità jitressqu quddiem il-ġustizzja. Dan sabiex il-ġurnalisti Maltin iħossuhom siguri u liberi li jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr ma ħajjithom tkun fil-periklu.
//= $special ?>