Il-UĦM Voice of the Workers ordnat numru ta’ azzjonijiet industrijali li qed jaffettwaw iċ-ċentru ta’ matul il-jum ta’ San Pawl il-Baħar minħabba sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ carers.
NET News jinsab infurmat li l-UĦM ilha erba’ xhur titlob lill-Gvern biex l-istaff permanenti ta’ carers f’dan iċ-ċentru jitla’ minn tnejn għal ħamsa.
L-ammont ta’ staff permanenti kien niżel minn ħamsa għal tnejn meta xi carers kienu applikaw għal pożizzjonijiet bnadi oħra, bil-Gvern baqa’ ma daħħalx carers ġodda minflokhom. Minflok daħħal carers permanenti, bdew jinġiebu carers oħra minn ċentri oħra biex itaffu l-piż tal-carers taċ-ċentru ta’ matul il-jum ta’ San Pawl il-Baħar.
Iżda wara erba’ xhur, il-UĦM qed tinsisti li din is-sitwazzjoni m’hijiex sostenibbli, u jeħtieġ li jiddaħħal staff permanenti.
Għaldaqstant, il-UĦM ordnat biex carers ta’ ċentri oħra ta’ matul il-jum ma jmorrux fiċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar. Direttiva oħra ngħatat lill-carers ta’ San Pawl stess, fejn ġew ordnati biex ma joħorġux jiġbru l-anzjani bil-vannijiet.
//= $special ?>