Lokali

FILMAT: L-MEA tfittex li tqarreb lil min iħaddem ma’ entitajiet soċjali f’każijiet impjegati bi problemi soċjali

Wieħed mill-workshops waqt is-seminar organizzat mill-MEA

X’għandu jagħmel min iħaddem jekk jnduna li xi ħadd mill-impjegati tiegħu jkollu xi tip ta’ problema soċjali? Bħal per eżempju problemi ta’ dejn, problemi fil-familja, jew problemi ta’ droga.

Min iħaddem għandu jkun infurmat li xi impjegat għaddej minn dawn il-problemi? Min għandu jiġbed l-attenzjoni? U l-impjegat kif għandu jġib ruħu fuq il-post tax-xogħol f’ċirkostanzi bħal dawn? Qed ikun hemm komunikazzjoni tajba bejn l-impjegat u min iħaddem?

Kien dan is-suġġett ta’ seminar ta’ ġurnata mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (l-MEA) meta tratta l-impatt tal-problemi soċjali tal-ħaddiema fuq ir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegati tiegħu.

Fin-nuqqas ta’ studji dwar l-impatt tal-problemi soċjali fuq il-postijiet tax-xogħol, waqt is-seminar, saru numru ta’ diskussjonijiet biex il-parteċipanti jiddeterminaw x’inhuma l-aktar problemi soċjali komuni li jimpattaw il-postijiet tax-xogħol, u x’jista’ jsir biex dan l-impatt jonqos – kemm għall-benefiċċju ta’ min ikun għaddej mill-problemi soċjali, iżda wkoll għall-benefiċċju tal-kumpanija u ta’ min iħaddem.

Waqt is-seminar ipparteċipaw mal-mitt parteċipant, fosthom persuni li jħaddmu u rappreżentanti minn entitajiet li ġejjin mill-qasam soċjali. L-għan prinċipali tas-seminar kien biex jinstabu mezzi kif min iħaddem jista’ jgħin impjegati bi problemi soċjali permezz ta’ għajnuna mingħand dawn l-entitajiet soċjali.