Lokali Qorti

Ikkundannat 6 snin ħabs dwar seba’ serqiet f’ erba’ ġimgħat

Floyd Attard ta’ 32 sena mill-Isla kien ikkundannat għal 6 snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq seba’ serqiet fi żmien erba’ ġimgħat. Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli f’Mejju li għadda, hu kien wieġeb mhux ħati fi 17-il akkuża li kienu jinkludu serq aggravat, ħsara volontarja, li żamm għandu ħwejjeġ misruqa, li uża u immodifika pjanċi tal-karozza u li saq karozza mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni. Iżda l-ġimgħa li għaddiet, biddel il-verżjoni u wieġeb ħati tal-akkużi.

Ir-reati twettqu bejn it-8 ta’ April u l-4 ta’ Mejju f’Birkirkara, Raħal Ġdid, Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, innotat li Attard diġa’ kellu sentenzi oħra kontrih b’rabta ma’ serq. Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li “l-akkużat ma jaħsibhiex darbtejn li jisraq dak li jrid sabiex jiffinanzja l-vizzju tad-droga” kif ukoll il-fedina penali li kienet deskritta bħala “voluminuża”.

Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija, Attard kien ordnat iħallas €1,733 fi spejjeż tal-Qorti u projbizzjoni ta’ sena milli jsuq. Il-Qorti ordnat ukoll lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħmel l-arranġament meħtieġa sabiex il-ħati jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Grech filwaqt li l-Avukat Mario Mifsud deher għal Attard.

Tags