Lokali

Il-Qtil ta’ Daphne Caruana Galizia: Xokk u kundanna internazzjonali madwar l-Ewropa

L-aħbar dwar il-qtil tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia ġriet madwar l-Ewropa u bdew jidħlu reazzjonijiet ta’ xokk u kundanna.

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fuq Twitter qal li l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia hi eżempju traġiku ta’ ġurnalist li ssagrifikat ħajjitha fit-tfittxija għall-verita’. Qatt m’hu se tkun minsija.

 

Il-President tal-Partit Popolari Ewropew Joseph Daul qal fi stqarrija li Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista investigattiva tal-għola kalibru u x-xogħol tagħha dwar l-iskandlu tal-Panama Papers għen biex id-dinja tkun iktar ġusta u trasparenti. Filwaqt li offra l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Caruana Galizia, Joseph Daul sejjaħ lill-awtoritajiet biex jagħmlu dak kollu possibbli dwar dan l-att ta’ vjolenza biex min hu responsabbli, iwieġeb għal għemilu. “Din hija ġurnata ta’ dieqa għal Malta u għad-dinja ħielsa hekk kif tlifna promotriċi tad-demokrazija u l-liberta’ tal-espressjoni,” tenna Daul.

Anki ċ-Chairman tal-PPE Manfred Weber fuq Twitter esprima x-xokk tiegħu għall-dan il-qtil u l-ħsieb tiegħu imur għall-familjari tagħha. Qal li dan hu jum iswed għad-demokrazija.

Xokkanti t-tweet ta’ Harry Cooper, editur tar-rivista’ Politico qal li meta ltaqa’ ma’ Daphne Caruana Galizia ftit qabel l-elezzjoni ġenerali bikrija, hi qaltlu li “kien ikollha tħalli Malta jekk jirbaħ il-Partit Laburista”.