Lokali

“Illum seħħ qtil politiku” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Stqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

“Illum seħħ qtil politiku. Inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – persuna li kixfet l-akbar skandlu ta’ korruzzjoni f’pajjiżna, l-iskandlu ta’ Panama u li kienet l-akbar kritika tal-Gvern u tal-Partit Laburista għal dawn l-aħħar snin” – kliem il-Kap tal-Opożizzjoni Adrian Delia fi stqarrija li ta lill-media.

Adrian Delia stqarr li dan il-qtil huwa l-agħar qtil politika minn meta nqatel Raymond Caruana, fejn kompla billi ta l-kondoljanzi u solidarjeta’ lill-familja Caruana Galizia.

“Dak li seħħ illum mhuwiex qtil kwalunkwe. Huwa konsegwenza tal-kollass totali tar-rule of law f’pajjiżna – tas-saltna tad-dritt – li ilu jseħħ għal dawn l-aħħar erba’ snin u li għalih hu unikament responsabbli il-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Partit Nazzjonalista ilu erba’ snin jgħid li s-saltna tad-dritt f’pajjiżna qegħda titkisser. Issa kkollassat, għal kollox” – tenna  l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ kif ma kienx biss il-Partit Nazzjonalista li semma’ kif f’pajjiżna għandna kollass totali tar-rule of law – semma’ kif anke l-Prim Imħallef innifsu qal l-istess sa ġimgħatejn ilu. Adrian Delia qal li meta tikrolla s-saltna tad-dritt, tirrenja il-liġi tal-ġungla.

“Qed nistennew b’effett immedjat li ssir investigazzjoni għal kollox indipendenti. Mhux se naċċettaw investigazzjoni minn nies bħall-Kummissarju tal-Pulizija, bħall-Kmandant tal-Forzi Armati jew bħall-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li lkoll kienu fiċ-ċentru tal-kritika ta’ Daphne Carana Galizia għal dawn l-aħħar snin. L-istituzzjonijiet f’pajjiżna ilhom li fallew u fallew għaliex inħatfu mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Issa ma nistgħux nafdaw istituzzjonijiet li huma moralment falluti” – stqarr Adrian Delia.

Adrian Delia qal li dan u l-aktar aktar jum ikrah fl-istorja politika ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar 40 sena u wara llum xejn aktar mhu se jibqa’ l-istess.

“F’dan il-mument ta’ kriżi nazzjonali, nistennew li kulħadd ipoġġi, l-ewwel u qabel kollox, l-interess nazzjonali tal-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll is-saltna tad-dritt, il-ġustizzja, il-liberta’ tal-espressjoni u d-demokrazija f’pajjiżna” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

 

Qabel l-istqarrija, ftit wara li tħabbar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll kiteb fuq il-media soċjali: