Budget 2018 Lokali

Ir-reazzjoni tal-KRPN dwar il-Budget – Reġgħet ġiet imwiegħda l-istess proposta ta’ skola ġdida

Il-Parlament - Mill-Arkivji

Filwaqt li għal sena oħra sar il-Budget, il-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista (KRPN) segwew in-numri ta’ temi msemmija, fosthom l-edukazzjoni, l-anzjani u s-servizz tas-saħħa, u nnutaw numri ta’ affarijiet. Fost dawn, ġew innutat li għalkemm xi proġetti ġew imwiegħda fil-Budget tas-sena l-oħra, baqa’ ma sar xejn fuqhom.

F’reazzjoni l-KRPN qalu kif l-iskola primarja tar-Rabat ma sar xejn mis-sena l-oħra ħlief li reġet ġiet imwiegħda l-istess proposta ta’ skola ġdida. Għalhekk l-Gvern ħela sena u ma għamel xejn favur l-istudenti Għawdxin. Minn naħa l-oħra, l-iskola tal-ITS fil-Qala f’dan il-budget ġiet injorata filwaqt li l-Gvern lanqas indenja ruħu jagħmel xejn sabiex din l-iskola tintuża.

Għal sena oħra, reġa’ ssemma l-proġett tal-fiber optic cable fejn saret l-istess wiegħda mingħajr ebda żvilupp jew investiment fuq dan.

Rigward l-qasam tal-isports f’Għawdex, il-pixxina f’Għawdex kontrarjament għas-snin ta’ qabel lanqas biss issemmiet u dan ikompli juri kemm il-Gvern m’għandux interess iktar f’dan il-proġett li jsir. Filwaqt li fuq dan il-proġett se jibqa’ ma jsir xejn, ġie mħabbar li se jkun qiegħed jagħmel pixxina f’Marsaskala.

Wara ħafna ftaħir mill-Gvern, din is-sena mar kontra wiegħda li ilu jagħmel tul is-snin fil-budgets tiegħu u kif ukoll kontra l-programm elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali fejn il-proġett tal-Cruise Liner Terminal ma għadux aktar ta’ priorità. Għal darba oħra, il-Gvern reġà injora l-karba tar-restoranti Għawdxin li qiegħdin max-xatt tal-baħar ta’ Marsalforn, li konsegwenza tan-nuqqas ta’ interess tal-Gvern li jinvesti fil-bini mill-ġdid tal-breakwater, dawn għal aktar minn darba fis-sena se jbatu l-konsegwenzi finanzjarji minħabba l-ħsarat li qed jaffaċjaw.

Minkejja d-diversi wegħdiet li d-dar tal-anzjani f’Għajnsielem waslet fl-aħħar fażijiet tagħha, dan mhux minnu hekk kif jidher biċ-ċar in-nuqqas ta’ pjanar tal-Gvern u tal-bżonn urġenti li din tkun topera minnufih.

Wara d-diversi talbiet li saru mis-soċjetà ċivili u mill-għaqdiet studentestki, speċjalment il-GUG, sabiex l-Gvern fl-immedjat jgħolli s-sussidju lill-istudenti Għawdxin sabiex jtaffu l-problemi finanzjarji li qiegħdin jaffaċjaw, il-Gvern għal darb oħra reġa injora din it-talba.

Għalhekk il-KRPN qed jappella bis-sħiħ lil Gvern sabiex minkejja li diġa tħabbar il-budget, mingħajr aktar telf ta’ żmien jgħolli s-sussidju sabiex dawn l-istudenti u l-familji tagħhom ma jibqgħux jaffaċjaw dawn il-problemi. Barra dan, il-Gvern għandu jassigura li mmedjatament jibdew jsiru l-preparamenti għal bini ta’ hostel fl-Imsida għal dawn l-istudenti li jistudjaw f’Malta. Il-KRPN qiegħda tappella lil Gvern sabiex ma jwebbisx rasu iżda jgħin lill-istudenti Għawdxin li diġa huma żvantaġjati bl-iskariġ żejjed li qed jaffaċjaw.

Kien il-PN li b’ħafna miżuri u inizjattivi li fetaħ u għamel dak kollu possibbli sabiex l-edukazzjoni terzjarja u l-edukazzjoni ta’ post sekondarju tkun aċċessibli għal kulħadd. Madankollu, il-Gvern Laburista jekk se jibqa’ ma jgħinx lill-istudenti Għawdxin, meta wieħed iżomm f’moħħu l-kirjiet għoljin li qed jaffaċjaw l-istudenti Għawdxin, dawn l-istess studenti se jiġu affaċjati b’sfidi kbar li ma jkunux jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom. Sfortunatament, il-KRPN diġa huwa konxju mill-fatt li minkejja li numru ta’ studenti Għawdxin pro-rata qegħdin jigradwaw aktar minn Malta, issa wieħed qiegħed jinnota wkoll li hemm studenti li ma għandhomx għażla oħra ħlief dik li jieqfu mill-istudji tagħhom minħabba li ma jistgħux jlaħħqu mal-ispejjeż.

Skont statistika riċenti li ġiet ippubblikata mill-NSO, din il-wiegħda mhux talli mhux tħalli frott, talli l-Għawdxin li qiegħdin jaħdmu f’Malta qed jkomplu jiżdiedu xahar fuq xahar.

Fl-aħħar nett, il-KRPN innotat li l-Gvern, minkejja li fil-programm elettorali ta’ ‘Malta Tagħna Ilkoll’ ra l-ħtieġa li jwiegħed li jinbena health centre ġdid fir-Rabat, issa dan mhux biss ma għandux priorità iżda ġie jaqa’ u jqum minn neċessità ta’ dan l-investiment. Fil-qasam tas-servizz tas-saħħa ġie nnotat ukoll li fl-uniku sptar f’Għawdex, l-pazjenti Għawdxin għadhom jaffaċċjaw numru ta’ nuqqasijiet li ġimgħa wara l-oħra, dawn qed ikomplu jiżdiedu. Konsegwenza ta’ dan, numru ta’ pazjenti, partikolarment dawk li huma morda bil-kanċer, qed ikollhom imorru jieħdu s-servizz minn Malta, bl-isptar Mater Dei jkompli jżied il-piż fuqu.