“Jum iswed għad-demokrazija u l-espressjoni ħielsa f’pajjiżna”. Kien b’dawn il-kliem li l-kandidat għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius fisser il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li seħħ iktar kmieni llum wara nofsinhar permezz ta’ karozza bomba fil-Bidnija.
F’post fuq Facebook, David Agius qabbel dan il-jum ma’ dak li seħħ kważi 40 sena ilu meta fil-jum li baqa’ mfakkar bħala t-Tnejn l-Iswed kienet ġiet attakkata d-dar tal-familja ta’ Eddie Fenech Adami u wara nħarqet l-Istamperija tat-Times.
“Illum, kważi 40 sena wara, Malta qed tfakkar Tnejn Iswed ieħor bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’jum iswed għad-demokrazija u l-espressjoni ħielsa f’pajjiżna” qal il-kandidat għal Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius fil-post tiegħu fuq Facebook. Bħala persuna li beda l-ewwel passi tiegħu fil-politika bħala ġurnalist fl-ewwel newsroom ta’ Radio 101, David Agius qal li huwa jifhem il-valur tal-ġurnaliżmu ħieles f’demokrazija b’saħħitha. Għaldaqstant il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huwa daqqa ta’ ħarta għall-ġurnaliżmu ħieles f’pajjiżna.
Bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Ċivili, il-kandidat għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, qal li dan il-qtil huwa attakk barbaru fuq l-espressjoni ħielsa – valur essenzjali f’demokrazija ħajja.
//= $special ?>