Lokali

KONFERMA MILL-EUROSTAT: Jiżdied l-ammont ta’ nies f’riskju ta’ faqar

L-uffiċju Ewropew tal-istatistika, il-Eurostat, ikkonferma li taħt Gvern Laburista żdied l-ammont ta’ nies f’riskju ta’ faqar.

Skont statistika ppubblikata t-Tnejn filgħodu, l-ammont ta’ persuni f’riskju ta’ faqar f’Malta jlaħħaq id-90,000, jiġifieri aktar minn 20% tal-popolazzjoni kollha.

L-istatistika tagħti ħarsa lejn l-ammont ta’ persuni f’riskju ta’ faqar fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, bil-Eurostat issib li bejn l-2008 u l-2016, b’mod ġenerali naqas il-persentaġġ ta’ persuni f’riskju ta’ faqar. Madanakollu mhux l-istess jista’ jingħad dwar l-ammont ta’ persuni f’riskju ta’ faqar f’Malta, fejn dan l-ammont tela’ ħafna, tant li llum hawn 90,000 persuna f’riskju ta’ faqar.

L-istatistika tal-Eurostat tikkonferma statistika oħra ppubblikata fl-aħħar ta’ Settembru li għadda mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li wkoll kienet waslet għall-istess konklużjonijiet.

L-istatistika tal-NSO kienet sabet ukoll li l-faqar finanzjarju fl-aħħar sena żdied b’1,300 u li fl-aħħar erba’ snin, il-faqar finanzjarju żdied bi 8,200.

Fl-isfond ta’ dawn iż-żewġ statistiċi – waħda nazzjonali u oħra Ewropea – il-Gvern għażel li fil-budget għas-sena d-dieħla jagħti żieda ta’ €1.75c biss għall-għoli tal-ħajja, u €2 għall-anzjani.