Il-Partit tal-Poplu Konservattiv (OVP) immexxi minn Sebastian Kurz, rebaħ l-elezzjoni ġenerali fl-Awstrija. Dan ifisser li Kurz, li kien il-Ministru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin fil-koalizzjoni preċedenti, se jsir l-iżgħar mexxej mhux biss fl-Ewropa imma anki d-dinja, fl-età ta’ 31 sena.
L-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-partit ta’ Kurz kellu jirbaħ bi ftit aktar minn 30 fil-mija tal-vot fl-Awstrija. Warajh kien hemm il-Partit tal-Ħelsien u s-Soċjali Demokratiċi (SPO) mmexxija minn Christian Kern li se jispiċċa minn Kanċillier tal-Awstrija.
Fin-nuqqas ta’ maġġoranza, lil-partit ta’ Kurz mistenni jfittex alleanza mal-Partit tal-Ħelsien li mexxa kampanja kontra l-immigrazzjoni bħala issue dominanti qabel il-vot.
Sebastian Kurz, qabel, wiegħed li jagħlaq ir-rotot għall-immigranti lejn l-Ewropa filwaqt li jillimita l-ħlas ta’ benefiċċji lir-refuġjati. Kurz irid ukoll li l-barranin fl-Awstrija ma jirċevux benefiċċji qabel ħames snin ta’ residenza fil-pajjiż.
Sebastian Kurz kien wassal għal din l-elezzjoni bikrija fl-Awstrija meta rrifjuta li jkompli bil-koalizzjoni mas-Soċjali Demokratiċi ta’ Kern.
Kurz fit-triq biex isir l-iżgħar mexxej fid-dinja


