Lokali Qorti

“Li kieku l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għamlu xogħolhom, m’aħniex qegħdin hawn” – Simon Busuttil

“Li kieku l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għamlu xogħolhom, m’aħniex qegħdin hawnhekk illum.” Isostni dan Simon Busuttil fix-xhieda tiegħu fil-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetaħ Keith Schembri, Chief of Staff tal-Prim Ministru, fil-konfront tiegħu.

“L-Attur (Schembri) inqabad b’kumpanija fil-Panama li fetaħha wara li daħal f’kariga pubblika. Fi kwalunkwe pajjiż ħaddieħor kien itir. L-Avukat Ġenerali u L-Kummissarju tal-Pulizija m’għamlux xogħolhom, u ftit jiem il-Prim Imħallef stess,  qal li jekk dawn ma jagħmlux xogħolhom tikkollassa “r-rule of law”, qal Simon Busuttil

Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista dam madwar tliet kwarti fuq il-pedana tax-xhieda iwieġeb mistoqsijiet tal-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għan-nom ta’ Schembri.

Preżenti fl-Awla kien hemm Keith Schembri kif ukoll diversi uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fosthom Neville Gafa’, l-eks editur tal-ġurnal l-Orizzont Josef Caruana u l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista Nigel Vella.

Il-libell infetaħ minn Keith Schembri għax ħassu malafamat minn diskors ta’ Simon Busuttil fi protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni fis-6 ta’ Marzu 2016. Traskrizzjoni tad-diskors innifsu għadha ma ġietx esebita u minkejja diversi mistoqsijiet mill-Avukat Peter Fenech sabiex l-Avukat Lia jindika liema parti minn dan id-diskors kienet malafamanti, dan baqa’ ma sarx tant li l-Qorti ordnat lil Schembri jindika liema parti tad-diskors kienet malafamanti.

Fix-xhieda tiegħu, Simon Busuttil irrefera għall-fatt li l-Maġistrat Ian Farrugia qal li hemm biżżejjed biex issir investigazzjoni kriminali. “Il-fatt biss li xi ħadd biss ikollu  kumpanija f’Panama tqajjem suspetti kullimkien ħlief Malta.”

Hu kkwota wkoll id-definizzjoni ta’ Transparency International dwar x’inhi l-korruzzjoni “li tista’ tieħu diversi forom iżda tkun dejjem il-każ li uffiċjal pubbliku jabbuża mill-pożizzjoni pubblika għal gwadann privat.”

“Jien qed nibbaża fuq fatti, Allaħares niġu fi stat li jekk issemmi fatt dan jikkostitwixxi malafama,” sostna Busuttil li kkwota email ta’ Karl Cini ta’ Nexia BT għan-nom ta’ Schembri li ta l-awtorizzazzjoni biex jinfetaħ kont li fih Schembri intrabat li jiddepożita miljun fl-ewro.

“Trid tkun naive jekk ma jqumux mistoqsijiet meta uffiċjal pubbliku li qed jaqla’ madwar €50,000 fis-sena u li ma jistax jaħdem fis-settur privat, jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama eżatt wara li ħa l-kariga pubblika u kont li bih intrabat li jiddepożita mal-miljun fis-sena,” xehed l-eks Kap tal-PN

F’mumenti minnhom is-seduta kienet imqanqla bl-Avukat Fenech jakkuża lill-Avukat Lia b’fishing expedition fuq dak li qed jixhed Simon Busuttil illum flok fuq id-diskors ta’ Marzu 2016 li dwaru hemm il-libell.

Ix-xhieda ta’ Simon Busuttil mistennija tkompli f’seduta oħra.

 

Wara xehed Keith Schembri li qal li għall-ewwel darba għandu l-opportunita’ jgħid tiegħu. Hu qal li l-fatt li telaq min-negozju  ma jfissirx li m’għandux dħul mill-ishma tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Mistoqsi mill-Avukat Edward Gatt, qal ukoll dawn l-allegazzjonijiet affetwawh u ma setax iwieġeb kif xtaq, anki minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu.

Qal li kieku ried il-flus, ma kienx jidħol fil-politika. Keith Schembri qal li qed jikkollabora bis-sħiħ, kemm quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja u quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.

L-Avukati Pawlu Lia u Edward Gatt qed jidhru għal Keith Schembri filwaqt li l-Avukat Peter Fenech deher għal Simon Busuttil