Lokali

MASSAKRU ‘IL BARRA MINN MALTA: “Ħajt ta’ silenzju li żamm għal 4 snin sħaħ”

Id-dokumentarju xxandar ilbieraħ fuq Sky Atlantic, u jinkludi fih intervista ma' eks Maġġur fl-AFM

Wara erba’ snin ta’ silenzju, il-ġurnal La Repubblica, Sky, L’Espresso u 42Parallelo il-Ħadd preżentaw dokumentarju xokkanti li jitfa’ dawl ġdid fuq it-traġedja tal-immigranti li seħħet f’Ottubru tal-2013 meta dakinhar kienu tilfu ħajjithom għexieren ta’ Sirjani. Dan wara li l-għajnuna ta’ salvataġġ damet ħafna biex waslet fiz-zona.

Il-media Taljana qed iċċanfar bil-qawwa lill-awtoritajiet Taljani għaliex l-inkjesti li sippost saru ma wasslu għall-ebda konklużjoni. Dan meta kulħadd jaf illi viċin id-dgħajsa tal-immigranti kien hemm il-bastiment tal-armata Taljana ‘Libra’, u l-immigranti kienu eqreb lejn Lampedusa.

Il-media Taljana qed tgħid li issa jmiss lill-Gvernijiet tal-Italja u Malta li jitkellmu. “Il-Premier Muscat irid iserraħ ras dawn li qed jitkellmu pubblikament. U l-Ministri tiegħu jridu jassiguraw li d-dokumenti kollha dwar dan il-massakru jgħaddu għandu l-awtoritajiet Taljani”, sostna L’Espresso.

F’Settembru tal-2015, rapporti li deheru fil-gazzetti Taljani komplew jikxfu l-ftehim sigriet li allegatament jeżisti bejn Malta u l-Italja dwar l-immigrazzjoni – ftehim li kważi kważi qed ipoġġi prezz fuq il-ħajja tal-bniedem.

Storja li dehret f’Il Giornale fl-Italja turi kif il-Gvern ta’ Renzi kien qed jieħu l-immigranti “li Malta ma tridx”. U biex Joseph Muscat ipatti għal dan, Malta qed iċċedi l-operazzjoni ta’ tħaffir għaż-żejt f’ibħra territorjali Maltin viċin Sqallija.

F’dak il-perijodu, il-Ministru Carmelo Abela kien ikkonferma li l-ftehim bejn Malta u l-Italja “mhux minqux fil-ġebel”. Iżda aktar tard, Abela biddel il-verżjoni tiegħu u qal li m’hemm l-ebda ftehim iżda biss “kollaborazzjoni” fejn tidħol l-immigrazzjoni.