Hekk kif illum tibda b’mod uffiċjali l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet ta’ Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, l-media tal-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, se tkun qed tiprovdi diversi faċilitajiet biex l-erba’ kandidati jkunu jistgħu jwasslu l-messaġġ tagħhom lill-elettorat, li din id-darba, għall-ewwel darba f’elezzjonijiet ta’ Viċi Kapijiet, se jkunu t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, mil-lum, NET News, se jkun qed jiddedika servizz kuljum għal dawn l-elezzjonijiet. Kuljum, kandidat partikolari se jkollu servizz ta’ 90 sekonda ddedikat għalih, biex b’hekk, kull kandidat, se jkollu servizz fuq NET News kull erbat ijiem.
Il-gazzetta in-Nazzjon ukoll se tkun qed toffri faċilità lill-erba’ kandidati spazju biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Kull ġimgħa, kull kandidat se jkollu paġna ddedikata għalih li fiha, jista’ jispjega l-viżjoni u l-proposti tiegħu. Minn naħa tagħha, l-gazzetta il-Mument se tkun qed tintervista lill-erba’ kandidati matul l-erba ġimgħat li ġejjin.
L-erba’ kandidati – David Agius, Edwin Vassallo, Robert Arrigo u Toni Bezzina – se jkunu qed jiġu intervistati fuq diversi programmi fuq Net Television u Radio 101. Fil-fatt, matul l-erba’ ġimgħat li ġejjin, se jkunu qed jiġu intervistati waqt il-programmi Viewpoint, Newsdesk u Taħdidiet fuq Radio 101 u fuq il-programmi NET Live u Newsroom fuq Net Television.
Il-media tal-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, se jkun qed joffri bilanċ assolut bejn il-kandidati kollha biex tassigura li l-kandidati kollha jingħataw l-istess spazju biex jispjegaw il-proposti tagħhom għall-karigi ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit.
//= $special ?>

