Ir-raġel fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-visas mediċi lil Libjani Neville Gafà ddaħħal jaħdem fl-Uffiċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, b’paga ‘privileġġjata’ – skont rapport fil-gazzetta Times of Malta.
Skont dan ir-rapport, Neville Gafà ddaħħal fit-taqsima tal-customer care, iżda għall-impenji f’dan id-dipartiment, qed jitħallas paga ta’ manager tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – jiġifieri paga ta’ madwar €45,000 fis-sena.
Sa qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, Neville Gafà kien jaħdem fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. U filfatt, kien minħabba dan l-irwol li Neville Gafà kien spiċċa taħt l-attenzjoni tal-gazzetti meta faqqa’ l-iskandlu tal-visas mediċi lil Libjani. Skandlu li fih, kien allegat li Gafà xxaħħam mill-applikazzjonijiet għall-visas mediċi.
Wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda, Neville Gafà ngħata rwol fit-taqsima tal-Customer Care f’Kastilja, bil-gazzetta The Times tgħid li ma rċevietx risposti mill-Gvern meta staqsiet kif dan qed jaħdem Kastilja meta suppost għadu qed jaħdem fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, fondazzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.
Skont The Times, mistoqsijiet mibgħuta lil Neville Gafà stess ukoll baqgħu mhux imwieġba.
L-artiklu ta’ The Times jgħid li diversi impjegati tal-Customer Care f’Kastilja jinsabu urtati dwar il-mod kif Neville Gafà qed jaqla’ €45,000 fis-sena – aktar mid-doppju ta’ kemm jaqilgħu paga huma, u għall-istess xogħol li jagħmlu huma.
Sadanittant, dwar l-iskandlu tal-visas mediċi, Neville Gafà kemm-il darba ċaħad l-allegazzjonijiet, bil-Pulizija tieħu passi biss kontra l-persuna ta’ nazzjonalità Libjana li kien għamel l-allegazzjonijiet.
//= $special ?>

