Futbol Sport

SERIE A- Spalletti jiddeskrivi r-rebħa kontra Milan bħala waħda ‘sofferta’

Icardi kien l-eroj ta’ Inter bi tliet gowls kontra Milan

Fi tmiem id-derby kontra Milan, il-kowċ ta’ Inter Luciano Spalletti qal li r-rebħa ta’ 3-2 li kiseb it-tim tiegħu kienet waħda sofferta u importanti fl-istess ħin. Tard il-Ħadd filgħaxija Inter rebħu 3-2 kontra Milan f’partita li fiha r-Rossoneri dejjem kienu minn taħt u dejjem ġabu d-draw.

Huma għamlu l-iskor 2-2 fil-81 minuta u kollox deher li ż-żewġ timijiet kienu se jieħdu punt kull wieħed sakemm Icardi skurja penalty fl-aħħar minuta biex mhux biss għaqqad hat trick imma ta t-tliet punti lil Inter.

“Meta tirbaħ dawn it-tip ta’ partiti timtela’ entużjażmu. Madankollu jekk wieħed janalizza sew il-logħba jinduna li kien hemm mumenti li matulhom batejna u issa rridu naħdmu fuq dan l-aspett. Meta jintlagħab derby wieħed dejjem se jkun qed jistenna partita eċċitanti u tal-lejla kienet waħda mill-aqwa,” qal Spalletti fl-ewwel kummenti tiegħu.

Grazzi għal din ir-rebħa Inter issa jinsabu fit-tieni post wara Napoli. “Fit-tieni taqsima kien hemm mumenti fejn konna wisq taħt pressjoni u fl-ewwel taqsima ikkontrollajna b’mod aħjar il-partita. Konna nafu li konna se nilagħbu kontra tim diffiċli imma konna fi dmir li nagħtu sinjal li aħna wieħed mit-timijiet sfidanti għar-rebħ tal-kampjonat,” kompla jgħid Spalletti.

Minn naħa tiegħ l-kowċ ta’ Milan Vincenzo Montella qal li hu kburi bit-tim tiegħu u sostna li jekk il-plejers jerġgħu juru l-istess logħob li urew kontra Inter, it-tim ma jitlifx logħba oħra. Bla dubju Montella jinsab taħt pressjoni u wieħed irid jara jekk dan hux se jsalva postu sa tmiem din is-sena.

“Fit-tieni taqsima kellna wirja mill-aqwa u kburi b’dak li rajt. Kienet ħassra li ma ħadna l-ebda punt għax it-tim lagħab kif xtaqt jien. Madankollu, meta wieħed jinsa r-riżultat jara li l-plejers qed jifmhu dak li nixtieq mingħandhom jien. Irridu nħarsu lejn it-tazza nofsa mimlija u mhux nofsa vojta,” qal Montella.

“Bħalissa qed naħdmu fuq proġett ġdid imma hu kemmxejn diffiċli tara r-riżultati mal-ewwel għax ikun hemm ġimgħat li fihom ftit ikollna ċans naħdmu flimkien,” qal Montella b’referenza għall-waqfiet internazzjonali.

Monnella temm jgħid li minkejja li bħalissa Milan qegħdin 12-il punt wara l-liders Napoli wieħed irid jistenna sa tmiem l-istaġun biex jitkellem u jiġġudika.

L-ewwel telfa sa mill-2015
Nhar is-Sibt Juventus tilfu għall-ewwel darba f’darhom meta ġew megħluba 2-1 minn Lazio. L-aħħar darba li kienu tilfu f’darhom fil-kampjonat kien f’Awwissu tal-2015 meta dakinhar tilfu kontra Udinese.

Lazio rebħu l-konfront grazzi għal żewġ gowls ta’ Immobile u b’hekk kisbu t-tieni rebħa fuq Juventus fi spazju ta’ ftit xhur wara li kienu anke rebħulhom fil-finali tas-Super Cup Taljana.

Ta’ min jinnota li l-aħħar darba li Lazio rebħu barra minn darhom kontra Juventus kien fl-2002.
“Dan hu riżultat li se jitniżżel fl-istorja tal-klabb. Fi tmiem l-ewwel taqsima għidt lill-plejers li jekk iżidu ftit fl-isforzi tagħhom jirbħu l-logħba u issa la darba rbaħna lil Juventus darbtejn u lil Milan ikun ġust li wieħed jibda jsemmina fost il-favoriti għar-rebħ tat-titlu,” qal il-kowċ ta’ Lazio Simone Inzaghi fl-ewwel kummenti tiegħu.

Inzaghi qal li kien diżappuntat li qabel l-istaġun kien hemm min qal li t-tim tiegħu se jkun qed jiġġieled biex jispiċċa mal-ewwel 10.

Max Allegri, kowċ ta’ Juventus qal li din it-telfa kienet ilha ġejja u f’dawn l-aħħar partiti diġa’ kien hemm sinjali ta’ nuqqas fil-wirjiet minn naħa taċ-champions.

“Kontra Torino, Atalanta u Sassuolo diġa’ kien hemm mumenti li urewna li jekk nibqgħu nilagħbu hekk kienet se tasal telfa li eventwalment waslet. Kien qed ikun hemm mumenti, fejn anke meta nkunu minn fuq, nitilfu l-konċentrazzjoni u meta dan iseħħ kontra tim diffiċli malajr tkun ikkastigat,” qal Allegri.

“Mill-partita kontra Atalanta ‘l hawn waqqajna ħames punti u ma rridux nibqgħu sejrin hekk jekk irridu nirbħu l-kampjonat. Illum tlifna kontra tim li kien organizzat u li kien perikoluż kull meta uża l-kontra attakk.”

Allegri temm jgħid li Dybala beda minn fuq il-bank għax kien għajjien wara l-impenji tiegħu mal-Arġentina. Ta’ min jiftakar li Dybala, bħal ma kien għamel kontra Atalanta, reġa’ falla penalty fl-aħħar minuta.

Napoli waħedhom fil-quċċata
Wara tmien partiti issa Napoli jinsabu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika. Dan wara li għelbu lil Roma 1-0 fl-Olimpico b’gowl ta’ Insigne.

Wara l-partita l-kowċ ta’ Napoli Maurizio Sarri ma ta l-ebda kumment lill-ġurnalisti minħabba li kien ma jiflaħx filwaqt li minn naħa tiegħu l-kowċ ta’ Roma Eusebio Di Francesco qal li filwaqt li kien diżappuntat bit-telfa, irrimarka li Napoli skurjaw ħafna gowls kontra t-timijiet l-oħrajn imma sabuha diffiċli biex jirbħu kontra t-tim tiegħu.