Lokali Qorti

Simon Busuttil jirbaħ libell: L-Editur tat-Torċa ordnat iħallas €2,000 f’danni

Josef Caruana, l-eks editur tal-gazzetta it-Torċa kien ordnat iħallas €2,000 f’danni lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wara li nstab ħati ta’ malafama fil-konfront tiegħu.

L-Artiklu in kwistjoni kien deher fil-ħarġa tal-gazzetta it-Torċa fit-28 ta’ Frar 2016 li fih kien allegat li Simon Busuttil kellu ishma fi trust li ma ddikjarax fil-Parlament. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, qalet li b’differenza ta’ dak li ġie allegat fit-titlu tal-artiklu, Simon Busuttil ma’ kellu ebda sehem x’jiddikjara hekk kif l-uniku azzjonist  kienet il-kumpanija Gansam Holdings Limited.

Simon Busuttil kien azzjonist f’din il-kumpanija fi kwota indaqs mal-Avukati Peter Fenech u Austin Sammut. Barraminhekk, irriżulta li Simon Busuttil kien fil-fatt semma din il-kumpanija fid-dikjarazzjoni tal-Assi fil-Parlament u kien iddikjara wkoll li rriżenja minn kull pożizzjoni ta’ direttur f’kumpaniji sa Mejju 2013 meta kien maħtur Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Qorti għaldaqstant, tkompli s-sentenza, ma tistax ma tinnutax  li l-allegazzjonijiet huma infondati u li saru fl-isfond ta’ kontroversja politika illi kienet għaddejja dak iż-żmien fejn il-Ministru Konrad Mizzi kien qiegħed jiġi akkużat li kellu trust fil-Panama li ma kienx iddikjara fir-rapport tiegħu lill-Ispeaker tal-Parlament.

“Il-Qorti m’għandha l-ebda dubju illi dak allegat u miktub mill-awtur kien intiż sabiex jagħti malafama lir-rikorrenti u għalhekk għandu jitqies bħala malafamanti u libelluż fil-konfront tar-rikorrenti.”

Konsegwentement, Caruana kien ikkundannat iħallas €2,000 f’danni lil Simon Busuttil

Iktar kmieni

F’sentenza oħra mill-Maġistrat Depasquale, il-Qorti ċaħdet il-kawża ta’ libell li fetaħ Simon Busuttil fil-konfront ta’ Joseph Muscat u Lydia Abela bħala Mexxej u Segretarju Eżekuttiv tal-Partit Laburista rispettivament.

Il-każ kien dwar stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista f’Diċembru 2015 dwar l-inkjesta Maġisterjali biex tinvestiga allegazzjonijiet dwar abbuż ta’ fuel mix-xufier ta’ Simon Busuttil meta kien Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Qorti, filwaqt li nnutat li l-inkjesta għalqet fis-7 ta’ April 2016 u ma sabet ebda ħtija mix-xufier ta’ Simon Busuttil, osservat illi “fil-mument illi saret l-istqarrija, jiġifieri fis-7 ta’ Diċembru 2015, il-fatti li kienet ibbażata fuqhom l-istqarrija” tal-Partit Laburista kienu sostanzjalment korretti.

Il-Qorti osservat ukoll li r-rikorrent kellu kull opportunita’ illi jirribatti għall-allegazzjonijiet illi saru, kif fil-fatt sar meta sar magħruf l-eżitu tal-inkjesta li ħelset lix-xufier ta’ Simon Busuttil minn kull responsabbilita’.