Ewropa Internazzjonali Lokali

Tfittxija għal żewġt itfal maħtufa

Is-sistema Ewropea ‘AMBER Alert’ avżat li qed issir tfittxija għal żewġt itfal mir-Repubblika Ċeka li ġew irrappurtati nieqsa.

It-tfal, Leonard Lackó ta’ erba’ snin u David Lackó ta’ għaxar snin intlemħu l-aħħar fl-orfanatrofju fejn kienu qed joqgħodu. Hu mifhum li t-tfal inħatfu mill-ġenituri tagħhom stess minkejja li ma kellhomx permess li jagħmlu dan.

Leonard għandu xagħru lewn id-deheb u għajnejn blu u kien liebes flokk aħdar, tracksuit blu u żarbun ta’ Batman. David ukoll għandu xagħru lewn id-deheb u l-aħħar li deher kien liebes flokk bi kmiem twal ta’ kulur isfar fl-oranġjo u tracksuit blu.

AMBER Alert hija sistema li tassisti lill-Pulizija u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi madwar l-Ewropa biex tinforma lill-pubbliku malajr kemm jista’ jkun meta jkun hemm rapporti ta’ tfal neqsin.