F’waħda minn diversi partiti mill-gruppi taċ-Champions League, b’wirja mill-aqwa, Manchester City għelbu lil Napoli bi skor ta’ 2-1 fl-Etihad Stadium.
It-tim ta’ Pep Guardiola għamel assedju fuq il-lasti ta’ Napoli u l-iskor seta’ kien ferm akbar. Wieħed kien qed jistenna xi ħaġa aktar minn Napoli li bħalissa qegħdin f’forma mill-aqwa fl-ewwel post tal-kampjonat Taljan imma City iddominaw.
Man City, li kellhom lil Aguero fuq il-bank, marru fil-vantaġġ fid-disa’ minuta meta STERLING skurja minn rebound. City komplew jattakkaw u fit-13-il minuta żiedu ieħor b’gowl ta’ Gabriel JESUS li skurja mill-viċin.
Napoli kellhom ċans jidħlu fil-logħba meta fit-38 minuta ingħataw penalty imma mill-11-il metru Mertens ra l-penalty tiegħu salvat.
Minkejja diversi kontra attakki ta’ City, kienu Napoli li ngħataw penalty ieħor u din id-darba DIAWARA ma falliex biex għamel l-iskor 2-1.
Minn hawn ‘il quddiem City ddefendew tajjeb biex ħadu tliet punti u komplew isaħħu l-ewwel post f’dan il-grupp. B’din it-telfa Napoli issa qegħdin fit-tielet post tal-klassifika wara li Shakhtar Donetsk rebħu 2-1 barra minn darhom kontra Feyenoord biex telgħu fit-tieni post.
F’logħba oħra interessanti Totenham ħadu draw pożittiv ta’ 1-1 barra minn darhom kontra l-holders Real Madrid.
Fit-28 minuta l-Ispurs fetħu l-iskor meta Varane tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess imma żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima s-solitu Cristiano RONALDO ġab id-draw minn penalty.
Wara żewġ drojiet, Liverpool kisbu l-ewwel rebħa f’din il-kompetizzjoni u għamlu dan bil-kbir meta għelbu lil Maribor 7-0. L-aktar li spikkaw kienu SALAH u FIRMINO li skurjaw doppjetta kull wieħed.
//= $special ?>