Lokali

FILMAT: “Il-pożizzjoni tal-Prim Ministru m’għadhiex tenibbli” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia indirizza konferenza tal-aħbarijiet barra l-binja tal-Parlament

Din hija l-ewwel darba li f’pajjiżna inqatlet kiesaħ u biered ġurnalista. Għal dan hemm responsabbiltà waħda biss li għandha tinġarr – dik tal-Prim Ministru. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet barra l-Parlament.

Adrian Delia qal li rridu naraw li l-pajjiż jirritorna għan-normalità sabiex għal darb’oħra nkunu nistgħu ngħixu bi trankwillità. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li rridu istituzzjonijiet li jagħtu protezzjoni liċ-ċittatidini u mhux konfort lill-kriminalità.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni qiegħda tgħid li għandu jitneħħa b’mod immedjat il-Kummissarju tal-Pulizija u jkun hemm xi ħadd minfloku li jgawdi l-fiduċja tal-Kamra sabiex ikun verament denju u ta’ serħan il-moħħ tan-nies.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li għandu jitneħħa l-Avukat Ġenerali għaliex dan ma jistax jibqa’ sieket quddiem dak li qed isir. Dan ukoll, qal Adrian Delia, għandu jsir bl-għażla ta’ żewġ terzi tal-Kamra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk verament rridu nsalvaw lil pajjiżna irridu nibdew diskussjoni serja dwar kif se nerġgħu nsaħħu l-istituzzjonijiet mill-ġdid u li għandhom jitneħħew minnufih mill-karigi dawk il-membri tal-Parlament fuq in-naħa tal-Gvern li ingħataw xi pożizzjoni eżekuttiva f’entità pubblika.

Il-Budget huwa rrelevanti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Oppożizzjoni ġiet bil-ħsieb li titkellem fuq il-Budget imma ma tistax tibqa’ għaddeja daqs li kieku xejn ma kien xejn wara li ġiet assassinanta b’mod brutali ġurnalista li ażżardat titkellem kontra l-korruzzjoni. Daphne Caruana Galizia ħallset l-għola prezz, kompla Adrian Delia, u qal li l-Oppożizzjoni jidhrilha li ma tista’ titkellem fuq xejn aktar ħlief dan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li llum ma nistgħux nitkellmu fuq l-edukazzjoni ta’ wliedna meta dawn qed jgħixu f’pajjiż li mhux normali. Bl-istess mod huwa qal li f’din il-ġurnata ma nistgħux nitkellmu fuq l-ekonomija meta l-unika prezz li nistgħu nitkellmu fuqu llum huwa l-prezz li ħallset Daphne Caruana Galizia għaliex tkellmet.

Adrian Delia qal li wisq inqas nistgħu nitkellmu fuq il-ġustizzja meta l-Gvern mermer is-sisien tal-ġustizzja u d-demokrazija. Huwa qal li l-Kummissarju tal-Pulizija għażel li ma jagħtix protezzjoni lil min kien tant evidenti li kellu bżonn. L-Avukat Ġenerali wkoll, kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni, għażel li minflok ikun l-avukat tal-poplu għażel li jkun biss l-Avukat tal-Gvern u ħalliena lkoll esposti.

Il-Kap tal-Oppżizzjoni qal li l-Gvern qiegħed jipprova jdaħħal idejh anke fil-Qrati tagħna sabiex ineħħi l-awtonomija tal-ġudikatura. Huwa qal li f’medda qasira ta’ snin rajna l-kriminalità togħla u f’medda ta’ ftit snin sirna l-aqwa fid-dinja fejn jidħlu l-isplużjonijiet ta’ karozzi. Iżda din id-darba ma kienx assassinju komuni, kompla Adrian Delia, għaliex kien il-qtil tal-libertà tal-espressjoni.

L-Oppożizzjoni se tibqa’ titkellem

L-Oppożizzjoni mhijiex se ċċedi quddiem il-kultura li daħħal il-Gvern fejn kulħadd jagħlaq għajnejh għall-ħażin, qal Adrian Delia. Meta kulħadd jagħlaq għajnejh jiġri dak li ġara lbieraħ kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa tenna li l-Oppożizzjoni għandha dmir li titkellem, u dan se tagħmlu mingħajr biża’.

Konna ħsibna li għadda ż-żmien meta kellna bżonn ninżlu fit-toroq biex niddefendu l-libertà, kompla Adrian Delia, iżda kompla li konna żbajati u se jerġa’ jkollna nirrikorru għall-protesti fit-toroq. Huwa qal li ix-xokk tal-bieraħ issa qed jinbidel f’rabja, imma dik ir-rabja trid tinbidel f’determinazzjoni li nitkellmu aħna wkoll. Irid jerġa’ jirbaħ is-sewwa sabiex tirrenja, mhux il-liġi tal-ġungla, iżda s-saltna tad-dritt, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

 

Ara l-konferenza tal-aħbarijiet sħiħa hawn: