Il-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera ħabbret li minn nhar it-Tnejn 23 ta’ Ottubru se jidħlu fis-seħħ direttivi industrijali bla preċedent lill-qwiebel u l-infermiera kollha f’Malta u Għawdex, sakemm numru ta’ kundizzjonijiet ma jitwettqux minn naħa tal-Gvern.
F’konferenza tal-aħbarijiet, l-MUMN qalet li ilha tissaporti u tieħu paċenzja għal dawn l-aħħar 8 xhur – fejn pruvaw minn kollox biex jevitaw li jmorru għal direttivi għaliex b’xi mod jew ieħor se jaffetwaw lill-pazjenti. Madanakollu huma qalu li għal dawn id-direttivi r-responsabbilta’ hi kollha fuq il-Gvern għaliex qatt ma wasal għal diskussjoni.
“Għandna bżonn l-għajnuna tagħkom sabiex nipperswadu l-Gvern ibiddel ir-rotta u juri aktar rispett lejn in-nurses u l-midwives”, qalu l-kelliema tal-MUMN.
Fost ir-raġunijiet li taw, l-MUMN qalet li “hekk kif il-Gvern sar jaf li se jibdew jittieħdu l-passi, u għalhekk xamm li l-MUMN se tirrikori għall-azzjonijiet, nhar l-Erbgħa li għadda bagħtilna ta’ malajr laqgħa għas-26 ta’ Ottubru biex mingħalihom jagħlquna ħalqna”.
Dakinhar stess l-MUMN għamlet żewġ kundizzjonijiet lill-Gvern, madanakollu l-Gvern baqa’ ma bagħat l-ebda korrispodenza dwar dan u għalhekk issa ħadu dan il-pass.
Net News tkellem ma’ Colin Galea, is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN dwar ir-raġunijiet wara dawn id-direttivi industrijali:
L-MUMN se tħabbar il-lista finali tad-direttivi industrijali aktar tard matul il-Ġimgħa – fejn kif spjegaw waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet se jiffukaw fuq il-kura tal-pazjent.
//= $special ?>