Lokali

Il-Gvern jaħrab milli jwieġeb dwar ir-responsabbiltà għad-delitt ta’ Caruana Galizia

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ma weġibx dwar min għandu jassumi responsabbiltà għall-mod kif l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ikkrollaw biex seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din il-pożizzjoni l-Ministru Bonnici espremieha meta wieġieb mistoqsijiet tad-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Jason Azzopardi.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu xokk u kienet ġurnata sewda għal kull min għandu għal qalbu l-Kostituzzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil staqsa min se jwieġeb u jassumi responsabbiltà għal dak li seħħ fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru Bonnici qal li dan mhux il-mument ta’ battibekki politiċi iżda hu l-mument ta’ għaqda nazzjonali. Kulħadd hu xxukkjat u n-nies qed jistennew li l-interess nazzjonali jinġieb fuq quddiem. Ir-responsabbiltà ta’ dak li seħħ hi ta’ att kodard ta’ min wettaq l-att. Owen Bonnici qal li l-istittuzzjonijiet irridu nibżgħu għalihom.

Jason Azzopardi semma wkoll korrispondenza mibgħuta minn Chris Kalin ta’ Henley & Partners bil-Ministru tal-Ġustizzja ma jweġibx u jsostni li hu se jaġixxi fl-interess nazzjonali.